Pass ’il quddiem għal programm tas-saħħa tal-UE effettiv
Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fuq il-proposta tal-Kummissjoni biex iżżid sew l-azzjoni tal-UE fis-settur tas-saħħa, permezz tal-hekk imsejjaħ Programm EU4Health. Din kienet approvata b’615-il vot favur, 34 voti kontra u 39 astensjoni.
EU4Health hu maħsub biex jipprepara lill-UE b’mod aħjar għal theddidiet transkonfinali għas-saħħa u biex jgħin lis-sistemi tas-saħħa jsiru aktar reżiljenti. Dan għandu jippermetti li l-UE tiffaċċja mhux biss epidemiji futuri iżda wkoll sfidi fit-tul bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ u l-inugwaljanzi fis-saħħa.
F’Mejju li għadda l-Kummissjoni ressqet Programm EU4Health għall-2021-2027 bħala parti mill-Pjan ta’ Rkupru. Il-Programm tas-Saħħa qabel kien jaqa’ taħt il-baġit fit-tul tal-UE 2021-2027 inizjalment bħala element tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+).
Il-MPE jgħidu li l-COVID-19 uriet li l-UE għandha bżonn urġenti ta’ programm ambizzjuż li jiżgura li s-sistemi tas-saħħa Ewropej ikunu jistgħu jiffaċċjaw theddidiet tas-saħħa futuri biex b’hekk l-UE tibqa’ r-reġjun bl-aqwa livell tas-saħħa fid-dinja.
Skont il-Parlament, dan mhuwiex possibbli kieku l-baġit kellu jitnaqqas għal €1.7 biljun, kif propost mill-Istati Membri. Fil-kompromess li ntlaħaq din il-ġimgħa dwar il-baġit fit-tul tal-UE, il-MPE kkonvinċew lill-Kunsill l-biex il-baġit għal dan ikun ittriplikat għal €5.1 biljun.
Il-MPE jridu kooperazzjoni akbar fil-livell tal-UE biex l-entitajiet differenti jkunu preparati aħjar fil-każ ta’ kriżijiet tas-saħħa, u qed jappoġġjaw il-ħolqien ta’ Mekkaniżmu Ewropew ta’ Rispons għas-Saħħa.
Għandu wkoll jinħoloq portal ta’ komunikazzjoni tal-UE għall-pubbliku għall-qsim tal-informazzjoni li tkun ġiet verifikata sew, biex joħroġ twissijiet liċ-ċittadini Ewropej u biex jiġġieled id-diżinformazzjoni. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) għandu jkollhom mandati aktar b’saħħithom.
Il-kriżi tal-COVID-19 ħarġet fid-deher il-ħafna dgħjufijiet tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali, inkluża d-dipendenza tagħhom fuq pajjiżi barra mill-UE għall-provvista tal-mediċini, apparat mediku kif ukoll tagħmir ta’ protezzjoni personali. Il-programm għalhekk għandu jappoġġja l-iżvilupp ta’ sistema Ewropea ta’ monitoraġġ, rappurtaġġ, u notifika ta’ nuqqasijiet ta’ mediċini, apparat mediku, vaċċini, għodod tad-djanjostika, u ta’ prodotti oħra tal-kura tas-saħħa. Dan għandu jevita l-frammentazzjoni tas-suq uniku u jiżgura li dawn il-prodotti jkunu aktar disponibbli u jkollhom prezzijiet aktar raġonevoli.
Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm, ir-rapport jipproponi wkoll aktar iffukar fuq il-prevenzjoni tal-mard billi jiġu indirizzati riskji tas-saħħa bħalma huwa l-abbuż mill-alkoħol u t-tabakk u sistemi tas-saħħa aktar sodi billi jinħoloq u jiġi applikat ir-Rekord Elettroniku Ewropew tas-Saħħa. Il-MPE jridu wkoll isaħħu l-ġlieda tal-UE kontra l-kanċer f’sinerġija mal-Pjan Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Kanċer.
Biex jiġi żgurat li l-programm ikun implimentat b’mod effettiv, il-MPE qed jipproponu li jiġi stabbilit Grupp ta’ Tmexxija li jikkonsisti minn esperti tas-saħħa pubblika indipendenti.
Il-Parlament Ewropew jinsab lest biex jibda negozjati mal-Istati Membri ħalli l-programm ikun jista’ jiġi implimentat mill-bidu tal-2021.