Paga Minima Ewropea
Hemm livell għoli ta’ diskrepanza fil-livelli tal-paga minima madwar l-istati membri tal-UE. Il-varjetà hi pjuttost sinifikanti, b’ħaddiema fil-Bulgarija garantiti kważi €300 kull xahar, filwaqt li dawk li jaħdmu fil-Lussemburgu jaqilgħu l-minimu ta’ €2,000. Statistika mill-Eurostat ukoll turi li l-istati membri kollha raw xi forma ta’ żieda fil-pagi minimi tagħhom f’dawn l-aħħar għaxar snin.
Madankollu, hemm possibbiltà li tkun stabbilita paga minima komuni madwar l-istati membri kollha tal-UE? Il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida fil-fatt qed tipproponi t-twaqqif ta’ strument legali biex tassigura li kull ħaddiem fl-UE għandu paga minima ġusta.
Mhux ċar kif se tkun it-triq ‘il quddiem għal tali strument, għax ikun ifisser it-twaqqif ta’ mudell komuni għal kif kull stat membru jikkalkula l-paga minima tiegħu, jew jista’ jwassal għal ċifra komuni għal kulħadd. L-aħħar għażla tista’ tkun problematika hekk kif l-istati membri kollha għandhom spejjeż differenti ta’ għajxien u livelli differenti. Kumpaniji żgħar ukoll jistgħu jsibu tali strument problematiku u tali bidla tista’ twassal għal tnaqqis fin-numru tal-ħaddiema.