Nuqqasijiet fit-tmexxija u fl-enerġija
Deċiżjonijiet żbaljati fit-tmexxija
Il-mod kif il-Gvern mexxa dwar il-mozzjoni parlamentari għal inkjesta pubblika dwar il-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia wera element ta’ disprezz lejn l-din istituzzjoni u d-demokrazija parlamentari.
Wara li din il-mozzjoni m’għaddietx minħabba li d-deputati tal-gvern ivvotaw kontra, il-Gvern għamel U-turn b’riżultat li eluf ta’ ċittadini niżlu jipprotestaw. Din ma kinitx velja ta’ talb imma folla rrabjata fuq il-modus operandi ta’ kif qed jitmexxa l-pajjiż.
Il-mod li bih mexa l-Gvern kien irresponsabbli u ta’ tħassib. Ħadd m’għandu jilgħab ‘logħob’ bħal dan f’tentattiv iddisprat biex jevita konsegwenzi agħar.
L-inkjesta pubblika kellha ssir flimkien ma’ dik maġisterjali biex inkunu nafu dak li mar ħażin fis-sistema nazzjonali li wasslet għal tali diżastru. Bini li jiġġarraf b’dak il-mod f’leħħa ta’ berqa bilfors li joħloq inkwiet u tħassib. Mhux biżżejjed li tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali iżda wieħed għandu jistaqsi “għaliex l-entitajiet nazzjonali tagħna li huma responsabbli minn tali proċess u li l-mandat tagħhom huwa li jħarsu minn prattiki ħżiena bħal dawn, fallew kompletament?” Madankollu, l;-inkjesti pubbliċi ikuunu inutli daqs dawk maġisterjali jekk ma jiġux segwiti b’azzjoni immedjata. F’dan ir-rigward il-mistoqsija tberren – Hemm ir-rieda politika li jkun hemm bidla fil-modus operandi li li qed iwassal biex jintilfu l-ħajjiet?
Pajjiż nieqes mill-enerġija
Il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku li qed nesperjenzaw dan is-sajf qed jesponi d-d-dgħjufijiet tal-Enemalta. Bħala ċittadini mhux kompitu tagħna li nippruvaw nistabbilixxu x’mar ħażin minn perspettiva teknika. It-tħassib ewlieni tagħna għandu jkun li dan il-qtugħ mhuwiex aċċettabbli fl-2023.
Ma ninsewx il-mod kif konna bumbardjati bir-retorika politika dwar l-investiment fil-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija. Madankollu, is-sitwazzjoni fir-realtà li kull sajf l-affarijiet qed imorru mill-ħażin għall-agħar. Din hija l-kwalità tal-ħajja li qed nimmiraw għaliha?
Filwaqt li ħadd ma ħa pjaċir bil-mewt tal-ħut Koi, ma nistgħux ninsew il-problemi kkawżati lill-ħwienet tal-merċa, supermarkets u stabbilimenti oħra madwar il-pajjiż. Ma nistgħux lanqas inwarrbu l-fatt li dan il-qtugħ qed ifisser ukoll spejjeż biex jissewwa makkinarju u apparat li qed issirlu ħsara minħabba tibdil fil-vultaġġ. Wieħed jista’ joqgħod isus wara l-poplu biex jużaw l-ACs b’mod responsabbli imma ġenwinament nemmnu li b’infrastruttura tad-distribuzzjoni bħal din se nattiraw investimenti fuq skala kbira?
L-argument kollu hu msejjes fuq dawn il-punti:
- Strateġija tajba għall-infrastruttura ekonomika tagħna
- Li jkun hemm kunsiderazzjoni minn perspettiva soċjo-ekonomika f’dak kollu li nagħmlu
- Pjan fit-tul fl-aħjar interess tal-pajjiż (u mhux tal-ftit)
Biex dan isir dan jeħtieġ is-serħan tal-moħħ, determinazzjoni qawwija, u pjan dixxiplinat biex isir dak li hu sewwa fl-interess tal-pajjiż. Kif inhuma l-affarijiet bħalissa ma tantx jidher li l-Gvern għandu l-kredenzjali biex jagħmel dan.