Nindirizzaw xogħol mhux dikjarat
Il-pandemija tal-COVID-19 poġġiet lill-ħaddiema mhux dikjarati fl-attenzjoni, partikularment f’setturi prinċipali bħas-servizzi tat-tindif u l-kura, l-agrikoltura u t-turiżmu.
Ħaddiema mhux dikjarati fl-industrija tat-turiżmu jinkludu diversi ħaddiema staġjonali li jaħdmu f’impjieg mhux reġistrat, xogħol taparsi għal rashom jew li jirċievu l-paga f’envelop (flus kontanti li ma jkunux dikjarati). Fis-settur tal-agrikoltura, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) irrappurtat 61.2 fil-mija ta’ dawk il-ħaddiema li kapaċi jaħdmu fis-settur tal-agrikoltura fl-UE, huma impenjati f’impjieg informali.
Permezz tax-xogħol imwettaq mill-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-Xogħol mhux Dikjarat, huwa ċar li l-ħidma fix-xogħol mhux dikjarat tinvolvi l-applikazzjoni ta’ varjetà ta’ miżuri differenti flimkien ma’ miżuri diretti, bħal multi u penali oħrajn, kif ukoll inċentivi bħal amnestiji u azzjonijiet oħrajn disinjati biex jgħinu t-transizzjoni f’xogħol dikjarat. Eżempju ta’ dan huwa meta l-ħaddiema jitħallew jirreġistraw transazzjonijiet fi flus kontanti u jipprovdu kupuni tas-servizz sabiex inaqqsu dħul mhux dikjarat u jinkoraġġixxu tali ħaddiema biex jiddikjaraw id-dħul tagħhom.
Minħabba n-natura kumplessa ta’ xogħol mhux dikjarat u d-differenzi li jeżistu, m’hemm ebda soluzzjoni li tapplika għal kulħadd biex ix-xogħol mhux dikjarat ikun indirizzat. Madankollu, soluzzjonijiet effettivi jistgħu jinstabu bl-adozzjoni ta’ ħidma ħolistika, f’livell nazzjonali jew fuq livell bejn pajjiż u ieħor.