Nikkontrollaw it-tniġġis tal-istorbju madwarna
Is-smigħ evolva sabiex il-bniedem ikun konxju mill-bidliet fl-ambjent tiegħu. Imma, is-smigħ hu wieħed mis-sensi li l-bniedem ma jistax jixegħel jew jitfi volontarjament.
Il-ħsejjes li nisimgħu isiru storbju meta ma jkunux mixtieqa – meta l-ħsejjes jinterferixxu mal-ħsieb, mal-konċentrazzjoni, max-xogħol, mat-taħdit, mas-smigħ jew mal-irqad.
B’popolazzjoni attiva, it-traffiku fit-toroq, l-industrija u l-ġenn tal-kostruzzjoni, wieħed jistenna li l-ibliet u xi rħula jsibhom postijiet storbjużi. L-istorbju hu sors prinċipali ta’ frustrazzjoni u skuntentizza għar-residenti fl-ibliet u l-irħula. Mhux ta’ b’xejn li Malta hi l-aktar pajjiż storbjuż fl-Unjoni Ewropea!
L-istorbju urban jagħmel iżjed effett mill-kwistjoni tal-kwalita’ tal-ħajja; il-livell ta’ storbju fl-ilbliet u postijiet fejn ikun hemm id-divertiment jista’ joħloq ħsara serja u fit-tul lis-saħħa tal-bniedem.
L-istorbju mhux biss jagħmel is-smigħ, il-konċentrazzjoni u x-xogħol aktar diffiċli. L-istorbju jiddisturba l-irqad. Irqad insuffiċjenti jwassal għal stress, għejja u bidliet fil-bilanċi kimiċi tal-ġisem. L-istorbju, fost oħrajn, jinterferixxi mal-attenzjoni, mal-memorja u mal-abbilta’ fil-qari. Il-konsegwenzi fit-tul ta’ dawn l-effetti fuq l-iżvilupp tat-tfal huma partikularment sinifikanti.
Mir-riċerka jirriżulta li l-espożizzjoni fit-tul mill-istorbju, kawżat partikularment mit-traffiku u mid-divertiment, iwassal għal stress fiżjoloġiku u psikoloġiku li indirettament jista’ jikkontribwixxi għal mard fil-qalb u pressjoni għolja fid-demm.
L-espożizzjoni ripetuta jew kronika għal storbju li jilħaq aktar minn 85 decibel saħansitra jista’ joħloq nuqqas fis-smigħ.
Filwaqt li l-istorbju urban jista’ jkun inevitabbli, l-awtoritajiet iridu jaraw x’jagħmlu sabiex din l-iskumdita’ soċjali tiġi enforzata bis-serjeta’. Dan il-pajjiż għadu jixxennaq għal dik il-leġislazzjoni li qed twiegħed it-twaqqif ta’ call-centre biex jirċievi u jindirizza lmenti dwar l-istorbju mill-pubbliku. Mindu saret l-ewwel laqgħa fl-2016, il-Kummissjoni dwar it-Tniġġis tal-Istorbju baqgħet siekta u t-tniġġis għadu jippersisti.
Iċ-ċittadini ta’ rieda tajba jisħqu għal liġijiet li jipproteġu s-saħħa, attenzjoni għall-ippjanar u tisħiħ fl-inġenji sabiex l-istorbju mit-trasport, mill-kostruzzjoni, mit-tagħmir mekkaniku, mid-divertiment u mill-imġieba umana, ikun minimizzat.