L-Isteering Group dwar il-Brexit tal-Parlament Ewropew (BSG) insista li l-ftehim tal-irtirar irid jinkludi backstop vijabbli għall-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda.

Il-BSG tal-Parlament Ewropew kien informat dwar in-negozjati li saru matul dawn l-aħħar ġimgħatejn mal-Gvern tar-Renju Unit. Il-BSG ukoll ħa nota tal-istqarrija tal-Kap Negozjatur tal-UE fi tmiem laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali kif ukoll stqarrijiet li saru minn membri tal-Gvern Ingliż.

Il-Ftehim tal-Irtirar

Il-BSG itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-finalizzazzjoni b’suċċess ta’ Ftehim għall-Irtirar, li jipprovdi għall-irtirar bis-serjeta’ tar-Renju Unit mill-UE, hu pre-kundizzjoni essenzjali sabiex tkun innegozjata sħubija speċjali u intensa bejn l-UE u r-Renju Unit, negozjati li jistgħu biss iseħħu malli r-Renju Unit ma jibqax stat membru. Infakkru wkoll li l-arranġamenti transitorji jistgħu jidħlu fis-seħħ bħala parti mill-Ftehim tal-Irtirar.

Il-gżira tal-Irlanda

Il-BSG itenni li b’rabta mal-Ftehim tal-Irtirar mhu se jaċċetta ebda rigress minn impenji li ttieħdu fil-passat, partikularment dawk li daħlu fir-Rapport Konġunt tat-8 ta’ Diċembru 2017. Sabiex il-Ftehim tal-Irtirar ikun konkluż huwa essenzjali, b’mod partikulari, li jkunu inkluż dak li jgħidulu “backstop” għall-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda. Hekk kif rikonoxxut mill-Prim Ministru fl-ittra tagħha lill-President Tusk tat-19 ta’ Marzu 2018, “il-backstop” irid jevita fruntiera iebsa fuq il-gżira tal-Irlanda, ikun protett il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u l-ħarsien tal-integrita’ tas-suq waħdieni, l-unjoni doganali u l-politika kummerċjali komuni. F’dan il-każ, il-backstop jibqa’ speċifiku għaċ-ċirkostanzi uniċi tal-gżira tal-Irlanda u, b’konformita’ mat-termini ta’ Artiklu 50 TEU, ma jistax jistabbilixxi t-termini tar-relazzjoni tal-futur bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.

Huwa mandatorju għar-Renju Unit li ma jistax jipposponi biex jiġi bi proposta li taħdem legalment u li tkun unika u għal backstop. Il-BSG jenfasizza li mingħajr backstop kredibbli, ġenwin u operattiv, ikun impossibbli għall-Parlament Ewropew li jagħti l-kunsens għal Ftehim tal-Irtirar.

Ir-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit għall-ġejjieni

Il-progress fil-finalizzazzjoni tal-Ftehim tal-Irtirar għandu jiffaċilita diskussjoni sabiex ikun hemm qbil dwar qafas għal relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit. Il-BSG qed isejjaħ l-appoġġ dejjiemi tiegħu għall-aktar kummerċ mill-qrib, sħubija ekonomika u fis-sigurta’, fl-għamla ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, kompatibbli mal-prinċipji dwar ir-relazzjoni fil-futur kif murija fir-resoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, jiġifieri li l-erba’ libertaijiet ma jinqasmux, l-integrita’ tas-suq waħdieni, l-awtonomija tal-ordni legali tal-UE u t-teħid tad-deċiżjonijiet, il-ħarsien tal-istabbilta’ finanzjarja u l-ħtieġa li bilanċ proprju tad-drittijiet u l-obbligi tkun rispettata.

Il-BSG se jkun qed iżomm il-proċess tan-negozjati taħt evalwazzjoni kontinwa. Se jkun qed janalizza s-sitwazzjoni mill-ġdid qabel ma ssir s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew f’Settembru.