Nagħmlu ħajjitna iżjed sempliċi
Qatt ħsibtu li tgħixu ħajjitkom bl-aktar mod sempliċi? “Sempliċi” ma jfissirx ħajja faċli. Uħud mill-affarijiet l-aktar sempliċi huma xi kultant l-aktar diffiċli li tagħmel.
Minn riċerka li għamilt biex ħejjejt dan l-artiklu, elenkajt għaxar punti li, fl-opinjoni tiegħi, huma utli biex ħajjitna nagħmluha aktar faċli.
L-Ewwel punt – Tistenniex wisq: Mhux kollox jiġik kif trid. Dejjem ikun hemm xi ħaġa nieqsa. Il-mument li l-emozzjonijiet tiegħek jaħkmuk, tibda biex toħloq suppożizzjonijiet kbar. Imbagħad titlef. Stenna l-agħar, l-aħjar u fl-istess ħin, tistenna xejn.
It-Tieni punt – Tikkritikax: Fil-ktieb The Great Gatsby insibu din il-kwotazzjoni: “Meta tħoss li għandek tikkritika lil xi ħadd, ftakar li n-nies kollha f’din id-dinja ma kellhomx il-vantaġġi li kellek inti”. Kwotazzjoni li tagħmel sens. Huwa faċli li tikkritika, iżda ħafna iżjed diffiċli li tirrealizza li r-raġuni għaliex inti qed tikkritika hi probabbilment għax tibża’, għax qed tgħir jew għax inti mdejjaq.
It-Tielet punt – Kun preżenti: Jekk qed tipprattika xi sport u qed tħoss l-uġigħ – ħossu l-uġigħ. Tinjorahx. Tmewtux bil-mużika. Għix dak il-mument. Kun konxju ta’ dak kollu li qed tagħmel, dak li qed tħoss u dak li qed tgħid lilek innifsek.
Ir-Raba’ punt – Kun qalbek tajba: Jekk ħadd ma jaħmlek, probabbilment m’intix se tkampa fil-ħajja. Agħder lil ħaddieħor u kun ħanin ma’ min ikun ħanin miegħek.
Il-Ħames punt – Agħti limitu lil ċertu affarijiet: Hemm affarijiet li nieħdu pjaċir nagħmlu, iżda nsibu li nesaġerawhom u ma jkunux tajbin għalina. U għax inħobbuhom ħafna, nesaġeraw. Għaldaqstant il-moderazzjoni hi meħtieġa.
Is-Sitt punt – Għid lilek innifsek storja differenti: Kwotazzjoni li ltqajt magħha tgħid hekk: “Jekk ma jogħġbokx dak li qed jingħad, biddel il-konversazzjoni”. Dan japplika fuq dak li tgħid lill-oħrajn u fuq dak li tgħid lilek innifsek.
Is-Seba’ punt – Aqra: Il-qari hu mod kif tissimplifika l-ħajja. Hu l-aħjar passatemp; żmien biex tirrilassa u timmedita.
It-Tmien punt – Staqsi għaliex: Staqsi lilek innifsek għaliex tagħmel affarijiet li tagħmel spiss. Jekk issibha diffiċli biex tiġi b’raġuni valida, mela ċ-ċansijiet huma li m’għandekx tagħmilhom. Kun ċar għaliex tagħmel affarijiet ta’ spiss, u jekk hemm skop ġenwin warajhom, staqsi lilek innifsek kif għandek tagħmilhom aħjar milli qed tagħmilhom illum. Xi kultant, l-aħjar mistoqsijiet mhumiex dawk li nistaqsu lil ħaddieħor, imma huma dawk li nistaqsu lilna nfusna.
Id-Disa’ punt – Għajnuniet produttivi:
- Tarax ħafna televiżjoni
- Identifika dawk l-affarijiet li qed ixekkluk fil-ħajja
- Staqsi lilek innifsek għaliex tidħol fuq il-Facebook jew xi media soċjali oħra.
- Iffoka fuq l-affarijiet li jgħinuk tikber bħala persuna
- Saħħaħ il-passatemp tiegħek kuljum, ikun xi jkun.
- Jekk tattendi xi laqgħat, żomm fil-qosor u fis-sempliċita’.
L-Għaxar punt – Ħu ħsieb lilek innifsek: Ieqaf tiffoka u tinkwieta fuq kif ħaddieħor qed jgħix ħajtu. Il-ħajja tkun aħjar meta titgħallem titfi l-istorbju li hemm barra, u tiffoka fuq dak li qed jiġri fil-kurituri ta’ moħħok.
Il-ħajja hi daqshekk sempliċi. Ejja nħalluha b’dan il-mod u ma nikkumplikawx l-affarijiet.