Il-MEUSAC għen lil diversi organizzazzjonijiet sabiex jibbenefikaw minn total ta’ €45 miljun f’fondi Ewropej għal total ta’ 392 proġett f’medda ta’ 10 snin – ma kinitx ħidma faċli meta wieħed jikkunsidra li kull benefiċjarju kiseb medja ta’ €115,000 f’fondi tal-UE għall-proġett tiegħu. 

Il-MEUSAC kien attivat  mill-ġdid fis-7 ta’ Lulju, 2008 u ngħata r-responsabbilta’ ta’ tliet funzjonijiet prinċipali: il-Konsultazzjoni,  l-Informazzjoni u l-Assistenza għall-Finanzi tal-UE. 

Għaxar snin ilu, il-ħtieġa kienet inħasset għall-kunsilli lokali u għaqdiet  mhux governattivi (NGOs) biex ikunu appoġġjati b’għajnuna teknika u professjonali biex japplikaw  għal proġetti ko-finanzjati minn fondi Ewropej. L-assistenza li l-MEUSAC tipprovdi ta’ kuljum tikkonsisti fl-għoti ta’ informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi mill-UE u,  aktar importanti, billi tassisti lil dawk li jistgħu jkunu applikanti biex jimlew u jippreżentaw l-applikazzjonijiet. 

Il-kunsilli lokali rnexxielhom jibbenefikaw aktar minn €20 miljun f’fondi tal-UE għal 139 proġett  differenti filwaqt li l-NGOs ibbenefikaw minn madwar €12-il miljun għal 217 proġett. F’dawn l-aħħar snin, dan is-servizz kien estiż lil entitajiet tal-Gvern b’36 proġett li jiswew kważi €13-il miljun wara li ġew approvati. 

Il-MEUSAC se tkun qed tmexxi serje ta’ posts fuq il-paġna tal-Facebook tagħha u fuq il-website www.meusac.gov.mt bħala parti minn kampanja bl-isem ta’ #decadeofsuccess dwar il-proġetti  li kisbu suċċess u li l-MEUSAC kellu sehem importanti fihom. Il-kampanja hi intenzjonata sabiex tinkoraġġixxi aktar  organizzazzjonijiet biex ifittxu aktar informazzjoni dwar il-fondi mill-UE, jew billi jużaw il-media soċjali tal-MEUSAC jew billi jagħmlu appuntament għal laqgħa sabiex jiġu diskussi ideat għal proġetti u dwar sorsi ta’ fondi. 

Sessjoni ta’ mistoqsijiet marbuta ma’ din il-kampanja wkoll se tkun fuq il-kont tal-Facebook tal-MEUSAC, jiġifieri, @MEUSACMalta fit-13 ta’ Awwissu u li se sservi ta’ pjattaforma għall-pubbliku biex jistaqsi mistoqsijiet b’rabta mal-opportunitajiet ta’ fondi u l-assistenza tal-MEUSAC f’dan ir-rigward. 

Ikkuntattja lit-tim tal-fondi sabiex tiddiskuti proġett innovattiv fuq 2200 3300 jew ibgħat email fuq funding.meusac@gov.mt