Mobbilta’ ġusta u Ġustizzja Soċjali
Il-Kummissjoni Ewropea ressqet diversi proposti sabiex tassigura ġustizzja soċjali f’żewġ oqsma partikulari: il-moviment ħieles tal-ħaddiema minn pajjiż Ewropew għal ieħor, u aċċess effettiv għal protezzjoni soċjali għall-ħaddiema f’forom ġodda ta’ xogħol u għal persuni self-employed.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li tagħmel dan permezz tat-twaqqif tal-Awtorita’ Ewropea dwar ix-Xogħol (ELA) li se tgħin biex tinforma liċ-ċittadini u n-negozji dwar opportunitajiet ta’ xogħol u taħriġ filwaqt li tappoġġja l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali.
Il-Kummissjoni Ewropea wkoll qed timmira li tagħlaq id-diskrepanzi legali tas-sistemi fis-sigurta’ soċjali ta’ dawk in-nies li jagħmlu forom tax-xogħol mhux tas-soltu – li bħalissa jgħoddu għal 40 fil-mija tal-popolazzjoni totali li taħdem – kif ukoll tkopri b’mod effettiv lil dawk intitolati b’liġi nazzjonali, u tiffaċilita t-trasferiment ta’ intitolamenti tas-sigurta’ soċjali.
Dawn iż-żewġ proposti huma pari passu mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jagħmlu parti mill-pakkett tal-Ġustizzja Soċjali.
Sabiex il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ikun implimentat, scoreboard soċjali speċifika wkoll se tkun użata sabiex ikunu identifikati x-xejriet u l-prestazzjonijiet madwar l-istati membri tal-UE fuq opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol; kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti kif ukoll il-ħarsien soċjali u l-inklużjoni.