Miżuri pożittivi mill-Kummissjoni – l-Ewropa unita kontra l-COVID-19
Dikjarazzjoni mill-President tal-Parlament David Sassoli wara li l-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-miżuri kontra l-COVID-19
“L-aħħar li l-Ewropa kellha tiffaċċja kriżi drammatika bħal din kienet fit-Tieni Gwerra Dinjija. Illum l-Unjoni Ewropea qed taġixxi. Ma kellix dubju li dan kien ser ikun il-każ. Din is-sitwazzjoni tant hi serja li ebda gvern Ewropew ma ħaseb li seta’ jikkontrollaha waħdu. Il-pakkett ta miżuri li ppreżentat il-Kummissjoni llum kontra l-virus COVID-19 imur fid-direzzjoni t-tajba. Il-pajjiżi Ewropej kollha ser jirċievu appoġġ għas-sistemi tas-saħħa tagħhom. Dan ifisser il-provvista ta’ materjal, appoġġ għall-isptarijiet, u finanzjament tar-riċerka bil-ħsieb li jiġi żviluppat vaċċin malajr kemm jista’ jkun. L-ewwel prijorita hi li jiġu salvati l-ħajjiet. L-impenn l-ieħor hu li jiġu protetti l-impjiegi, in-negozji u l-ekonomija. Biex dan isir: daqsekk awsterita. Il-pajjiżi huma awtorizzati jonfqu dak kollox li jkun meħtieġ biex jiġu appoġġati l-impjegati, dawk li jaħdmu għal rashom, in-negozji, u l-banek. Apparti mill-miżuri li jadottaw l-istati membri, mill-inqas EUR 37 biljun ser ikunu disponibbli mill-baġit tal-UE. Importanti li jiġi enfasizzat li l-gvernijiet ser ikunu jistgħu jużaw il-flessibbilta kollha prevista fil-Patt ta’ Stabbilta u ta’ Tkabbir, u li l-għajnuna tal-istat ser tkun permessa għas-setturi u n-negozji affettwati mill-kriżi. Issa l-Kunsill u l-Parlament iridu japprovaw dawn il-proposti. Niżgura li l-Parlament ser jagħmel dan mill-aktar fis possibbli. Biex insalvaw il-pajjiżi tagħna, jeħtieġ li naħdmu aktar flimkien. Illum il-kelma kjavi għall-Ewropa hija “solidarjeta”. Ħadd m’għandu jitħalla waħdu u ħadd m’għandu jaġixxi waħdu.” Biex tara u tniżżel il-vidjo tad-dikjarazzjoni, ikklikkja hawn.