Mill-2022 il-prezzijiet tal-ikel żdiedu bi 12%
Mill-bidu tas-sena li għaddiet xirja ta’ oġġetti essenzjali għal familja ta’ erbgħa żdiedet bi kważi €16 bi prodotti bħaċ-ċanga, kapuljat, zokkor u toilet paper jogħlew bil-kbir.
Dawn ix-xejriet ħarġu minn studju li qed isir mill-UHM Voice of the Workers, li qed tosserva l-prezzijiet tal-ikel u oġġetti essenzjali disponibbli minn tliet supermarkets ewlenin f’Malta sa minn Jannar tal-2022.
Jirriżulta li l-basket tax-xirja żdied b’medja ta’ 12% li hu ekwivalenti għal €15.98. Dan varja bejn €11.58 minn supermarket partikolari sa €18.48 minn supermarket ieħor.
Matul il-perijodu li fih sar dan l-istudju, kien ċar li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja li fl-2022 kien ta’ €1.75 fil-ġimgħa kien ferm inqas mill-minimu meħtieġ. Iċ-ċirkostanza kienet aggravata mill-fatt li dan il-kumpens kien intaxxat, jiġifieri li ftit minnu mar lura għand il-gvern. Jekk wieħed jassumi li l-familji jagħmlu tliet xirjiet bħal dawn fix-xahar fl-2022 l-ispejjeż tagħhom żdiedu sa €300 fis-sena.
Is-sitwazzjoni ssir aktar ta’ tħassib meta tinħadem stima ta’ kif se tiżvolġi s-sitwazzjoni sal-aħħar tal-2023. Jekk wieħed jassumi friża tal-prezzijiet minn issa sal-aħħar tas-sena, il-familji jistgħu jiffaċċjaw żieda netta fl-ispejjeż sa €480 fuq sentejn. Dan minkejja ż-żieda ta’ €9.90 fil-ġimgħa li bdiet tingħata fil-bidu ta’ din is-sena.
Il-UHM Voice of the Workers ilha tappella lill-gvern biex kemm il-COLA kif ukoll il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali ma jkunux intaxxati. B’hekk tingħata spinta lis-saħħa tal-pagi mingħajr ma jiżdiedu s-salarji.
Uħud mix-xejriet li ħarġu minn dan l-istudju jaqblu ma’ dawk osservati fuq livell Ewropew permezz tal-Eurostat. Fost l-oħrajn il-prezz taz-zokkor żdied b’61% bejn Awwissu 2021 u Marzu li għadda. F’Malta, f’supermarket partikolari dan il-prodott aktar minn irdoppja u l-prezz żdied minn €1.95 għal €4.19.
Bi tweġiba għal dawn iż-żidiet fil-prezzijiet, il-konsumaturi qed jibdlu d-ditti tal-prodotti u jagħżlu dawk irħas, għalkemm xi drabi dan jista’ jirriżulta fi prodotti ta’ kwalità aktar baxxa.