Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola għamlet żjara uffiċjali fl-Università ta’ Malta fejn iltaqgħet ma’ riċerkaturi, xjenzati, inġiniera u studenti.

Wara li ngħatat merħba mir-Rettur tal-Università il-Prof. Alfred Vella, il-President l-ewwel żaret iċ-Ċentru għall-Mediċina Molekulari u l-Biobanking, li bħalissa fih 60 riċerkatur.

Ir-riċerkaturi tkellmu mal-President dwar l-avvanzi kbar fir-riċerka bażika u applikata fir-rigward ta’ disturbi tad-demm, kanċer tas-sider, Lewkimja, ALS, marda ta’ Parkinson, kanċer tal-kolorektum, sklerożi multipla, puplesija u oħrajn.

Id-Direttur taċ-Ċentru, il-Professur Richard Muscat, spjega kif grupp ta’ riċerkaturi Maltin għamlu avvanz fil-kura tal-ALS. Fi studju rivoluzzjonarju u ta’ rilvenza internazzjonali, ir-riċerkaturi Maltin identifikaw liema ġene f’pazjenti bl-ALS jista’ jkun immirat minn trattament biex iwaqqaf jew inaqqas il-marda. Is-sejba saret fl-Università ta’ Malta permezz tad-dubbien tal-frott, li s-sekwenza tad-DNA tagħhom tikkoinċidi ma’ dik tal-bnedmin b’75 fil-mija.

Il-President Metsola żaret ukoll numru ta’ laboratorji, fosthom il-Laboratorju tal-Fly, il-Laboratorji tal-Metallurġija u l-Materjali u l-Laboratorji tal-Inġinerija fejn irringrazzjat lir-riċerkaturi għax-xogħol kruċjali tagħhom.

“L-Ewropa teħtieġ aktar mir-riċerka tiegħek, mill-ideat tiegħek, mill-ambizzjoni tiegħek li ssib is-soluzzjonijiet u t-trattamenti meħtieġa llum. Hu għalhekk li l-Unjoni Ewropea se tkompli tinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni,” żiedet tgħid.

Mill-2002, l-Università ta’ Malta ngħatat €73.7 miljun f’fondi għar-riċerka minn sorsi tal-UE, l-aktar minn proġetti tal-Programm ta’ Qafas (Horizon), u Erasmus. Dan il-finanzjament kien mifrux fuq 550 proġett li kienu jinvolvu 1,200 riċerkatur u akkademiku. L-Università ibbenefikat ukoll minn finanzjament ta’ €137 miljun għal proġetti kapitali u soċjali taħt skemi ERDF jew ESF mill-2008.

Il-President Metsola żżur il-‘Bank Ewropew’ u tiltaqa’ mal-membri l-ġodda tal-KSU

Il-President tal-PE żaret il-‘European bench’ fil-Kampus tal-Università ta’ Malta fl-Imsida. Inizjattiva miġjuba f’Malta miż-Żgħażagħ Federalisti Ewropej (JEF) bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta. L-inizjattiva għandha l-għan li toħloq spazji li jrawmu d-djalogu, il-fehim, u l-kollaborazzjoni fost individwi minn pajjiżi Ewropej differenti u jippromwovu l-integrazzjoni Ewropea.

Il-President Metsola ltaqgħet mal-membri tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) u li għadhom kif ġew eletti, l-istudenti tal-Università ta’ Malta. Waqt il-laqgħa l-President iddiskutiet kwistjonijiet relatati mal-edukazzjoni f’Malta u ħeġġet lill-eżekuttiv maħtur ġdid biex jaħdem biex jinvolvi aktar attiviżmu studentesku.

Il-President Metsola tindirizza s-37 Laqgħa tal-Kunsill InterAction li saret f’Malta

Aktar kmieni, il-President Metsola indirizzat is-37 Laqgħa tal-Kunsill InterAction, li saret fil-Palazz Presidenzjali ta’ San Anton. Il-President irrefera għal-Laqgħa tal-Kunsill bħala “bħala sejħa għal azzjoni, impetu mġedded għall-bidla”.

B’referenza għad-diversi sfidi li qed tiffaċċja l-UE matul is-snin, fosthom il-pandemija, il-gwerra fil-kontinent tagħna, il-kriżijiet tal-enerġija u l-inflazzjoni, il-President Metsola kkonkludiet li hija “konvinta li minħabba l-Ewropa, u l-alleanza globali tagħha tad-demokraziji, id-dinja ta’ quddiem tkun aħjar minn dik li nħallu warajna.”