Mill-2013 il-ħaddiema barranin żdiedu b’disa’ darbiet
Fl-aħħar għaxar snin il-ħaddiema barranin f’Malta li ġejjin minn pajjiżi barra l-UE żdiedu b’disa’ darbiet b’riżultat ta’ tkabbir qawwi tal-ekonomija li madankollu saret tiddependi ħafna fuq ħaddiema barranin.
Jirriżulta li fl-2013, kien hemm 18,691 ħaddiem barrani rreġistrati f’Malta li 6,410 minnhom kienu minn barra l-UE (ċittadini ta’ pajjiżi terzi – TCN). Madankollu, sa Ġunju 2023, id-demografija tal-forza tax-xogħol tal-pajjiż kienet inbidlet għal kollox hekk kif il-ħaddiema barranin telgħu għal 104,439 li fisser żieda ta’ kwart tal-popolazzjoni Maltija. L-akbar żieda kienet irreġistrata fit-TCNs li telgħu għal 67,531, l-aktar minn pajjiżi tal-Asja tal-Lvant.
Statistika mqegħda fil-Parlament reċentement turi li l-akbar żieda ġejja mill-Indja bi 12,756 ħaddiema segwita mill-Filippini bi 8,434 u n-Nepal 7,850. Sal-2013 il-ħaddiema minn xi wħud minn dawn il-pajjiżi – li assolutament m’għandhom l-ebda rabta storika jew politika mal-Gżejjer Maltin bħan-Nepal – kienu prattikament ineżistenti. Fil-fatt fil-każ tan-Nepal, il-popolazzjoni tagħhom żdiedet minn ħames ħaddiema għal 7,855 f’Ġunju 2023. Dan ir-reġjun tul il-muntanji tal-Ħimalaja kien art fertili għal dawk f’Malta li jridu jġibu ħaddiema barranin, hekk kif żieda simili ġiet irreġistrata fin-numru ta’ Indjani f’Malta b’żieda spettakolari minn 251 fl-2013 għal 12,756 fl-2023. Bl-istess mod, matul dan il-perjodu l-ħaddiema Pakistani żdiedu minn 172 għal 1,948. Dawn iċ-ċifri kienu preżentati mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Julie Zahra.
Filwaqt li min iħaddem kif ukoll il-gvern dejjem saħqu li dan l-influss kien meħtieġ biex isostni ċertu livell ta’ tkabbir ekonomiku li min-naħa tiegħu jiġġenera dħul biżżejjed biex iżomm il-finanzi ta’ Malta fil-wiċċ, hemm sinjali li Malta ma tistax ssostni aktar politika ekonomika bħal din. Dan it-tħassib ġej minn perspettivi soċjali, ekonomiċi u demografiċi. L-ekonomisti qed iwissu li Malta qed issib ruħha f’sitwazzjoni kritika fejn tiddependi minn dawn il-barranin biex isostnu t-tkabbir ekonomiku mil-livell ta’ 3% ’il fuq, għax inkella jista’ jkun hemm kollass tal-finanzi pubbliċi u konsegwentement il-kura tas-saħħa, u s-sistema tal-welfare. Min-naħa l-oħra, dan l-influss qed joħloq pressjoni kbira fuq l-infrastruttura tal-pajjiż prinċipalment it-traffiku, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-iżvilupp esaġerat.
Iffaċċjat minn kritika dejjem tikber li kien qed jitlef il-kontroll tas-sitwazzjoni, il-gvern li sa ftit ilu ma kienx jirrikonoxxi li teżisti din il-problema, qed jipprova jtaffi s-sitwazzjoni b’diversi mezzi. Apparti rejds sporadiċi li qed iwasslu għad-deportazzjoni ta’ għexieren ta’ barranin li jkunu residenti Malta illegalment, il-gvern imbarka fuq riforma tat-temping agencies. Dawn l-aġenzija li jimportaw ħaddiema barranin żdiedu konsiderevolment fl-aħħar snin. F’intervista riċenti, il-kap tal-aġenzija responsabbli mill-immaniġġjar tal-permessi ta’ residenza u xogħol, Identità Malta ammetta li dawn l-aġenziji kienu qed imorru għall-kwantità, daqs li kieku dawn il-ħaddiema kienu biss xi oġġetti f’vetrina. Strateġija bħal din qed tqajjem ukoll tħassib dwar sfruttament ta’ ħaddiema, ħlasijiet eżorbitanti u xi drabi allegazzjonijiet li t-TCNs qed ikunu ingannati billi jkunu mitluba jħallsu l-eluf biex jiġu jaħdmu Malta, meta fir-realtà ma jkollhomx xogħol lest.