Hekk kif l-2024 tinsab wara l-bieb,  fuq l-orizzont hemm  numru ta’ sfidi ġejjin li f’xi waqt irridu nħabbtu wiċċna magħhom u li jeħtieġ li nindirizzawhom b’mod strateġiku biex inħarsu l-ġid ekonomiku tagħna, l-ambjent, kif ukoll is-suq tax-xogħol. Fost il-kwistjonijiet urġenti fuq l-aġenda, se jkun hemm il-kampanja biex il-kumpens għall-għoli tal-ħajja (COLA) ma jibqax jiġi intaxxat

Ir-rankatura ’l fuq tal-inflazzjoni ma qed turi l-ebda sinjal li se tieqaf u  qed thedded li tmermer is-saħħa tal-pagi. Għalhekk bħala miżuri kontra dan hu kruċjali  li titkompla l-ġlieda biex il-COLA ma tkun intaxxata.

Madankollu, irridu noqogħdu attenti li s-sitwazzjoni ma taħrabx minn taħt idejna billi jinżamm bilanċ delikat biex jiġu evitati l-perikli ta’ ċirku vizzjuż ikkawżat minn żidiet esaġerati li minnhom infushom ikomplu jgħollu l-ħajja. Biex dan iseħħ jeħtieġ strateġija u pjan maħsub bir-reqqa biex fl-aħħar mill-aħħar tingħata prijorità lill-istabbiltà ekonomika fit-tul ta’ pajjiżna.

Sfida oħra sinifikanti se tkun l-implimentazzjoni tal-emissions trading scheme tal-UE taħt il-pakkett Fit for 55, b’konsegwenzi li potenzjalment jistgħu jkunu katastrofiċi għall-Port Ħieles ta’ Malta. Filwaqt li l-impenn tagħna għall-konservazzjoni ambjentali huwa sod, irridu nimxu b’kawtela biex ma ssirx ħsara ekonomika. Il-ħarsien tal-ambjent tagħna jibqa’ dejjem importanti, iżda m’għandux isir għad-detriment tal-ħaddiema u l-impjieg tagħhom.

Il-ħtieġa ta’ bilanċ bejn il-progress ekonomiku u r-responsabbiltà ambjentali hija importanti ħafna. Għandhom jiġu esplorati soluzzjonijiet u kompromessi innovattivi biex jittaffa l-impatt fuq industriji bħall-Port Ħieles, filwaqt li jkun żgurat bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà ambjentali.

Kwistjoni oħra importanti hi dwar l-introduzzjoni ta’ sħubija obbligatorja fit-trejdjunjins għall-ħaddiema bi dħul baxx għax dan verament jgħin biex ikollna soċjetà ġusta. Il-fakultà li l-ħaddiema jkollhom iċ-ċans li jieħdu sehem f’negozjar kollettiv tfisser li jkollhom għodda b’saħħitha kontra l-isfruttament, li tagħti vuċi lil dawk li ħafna drabi jsibu ruħhom f’sitwazzjoni vulnerabbli. Sħubija obbligatorja f’unjin għal dawn il-ħaddiema tiżgura li jkollhom min jiddefendihom u jħares id-drittijiet tagħhom.

Fl-istess ħin, irridu nindirizzaw il-kwistjoni tal-free riders – individwi li jibbenefikaw mill-isforzi kollettivi tal-unions mingħajr ma jħallsu s-sħubija. Din l-isfida hi kruċjali għas-suċċess tal-isforzi tagħna, peress li biex  in-negozjar kollettiv ikun suċċess u jkollu għeruq sodi jeħtieġ il-parteċipazzjoni attiva u l-impenn tal-partijiet interessati kollha.

Is-sena d-dieħla se ġġib magħha sfidi b’rabta mal-istabbiltà ekonomika, il-ħarsien ambjentali, u d-drittijiet tal-ħaddiema. Biex jintlaħaq il-bilanċ it-tant meħtieġ, hemm bżonn kollaborazzjoni, u impenn biex jitfasslu politiki li mhux biss jindirizzaw tħassib immedjat iżda jħarsu fit-tul biex jitqiegħdu l-pedamenti għal futur sostenibbli u  soċjetà ġusta.