Mhux aħjar tagħmel xi ħaġa oħra flok il-Facebook
Ieqaf u aħseb. Kemm tqatta’ ħin fuq il-media soċjali? Li kieku kellek tikkwantifika s-sigħat, ara tikkonvertihomx f’ħin fejn stajt għamilt xi ħaġa oħra. Forsi stajt qrajt ħafna kotba, żort lil xi membru tal-familja li kont ilek ma tara jew għamilt xi forma ta’ eżerċizzju.
Il-vizzju tal-internet, u allura, tal-media soċjali, qed jiżdied…anki f’pajjiżna. Jimpurtakx jew le kif trid tqatta’ iż-żmien, ħaġa waħda hija ċara: il-media soċjali qed tiekol mill-ħin li stajt qattajt aħjar. Biss, illum, li wieħed jinqata’ mill-media soċjali mhix xi ħaġa faċli. Minkejja dan, wieħed m’għandux jaqta’ qalbu imma jirrimedja billi jagħmel affarijiet pjuttost sempliċi.
Ibda billi titfi dak l-imbierek kompjuter. Agħmel shutdown lil-laptop u, voilà, m’hemmx aktar internet għalik…sakemm, ovvjament, m’għandekx xi smartphone! Biss tinsiex tagħmel save lix-xogħol tiegħek…u jekk verament trid terġa’ tikkomunika mad-dinja, dejjem tista’ tixgħel l-apparat mill-ġdid.
Għal xi wħud, li assolutament jinqatgħu mill-media soċjali, mhix għażla. Forsi l-kuntatti tagħhom jgħixu ‘l bogħod mill-pajjiż. Iridu l-internet biex jaħdmu. Hi x’inhi r-raġuni, ma tistax taqta’ l-fil kompletament. Is-soluzzjoni? Agħmel skeda meta l-aħjar tista’ tuża l-media soċjali, u żommha. Dan jippermettilek biex talloka biss dak iż-żmien għal, per eżempju, il-Facebook.
Il-media soċjali mhux neċessarjament issaħħaħlek il-komunikazzjoni. Fil-fatt, riċerkaturi jisħqu li hemm argument b’saħħtu li jfaqqarha. Allura, minflok tirrikorri għall-media soċjali, uża dak il-ħin biex iċċempel id-dar u tħaddet ma’ xi ħadd. OK, forsi din tal-aħħar ma tiħux pjaċir tagħmilha. Imma l-punt jibqa: li tinqata’ mill-media soċjali hu ħafna iżjed faċli meta ssib alternattivi oħrajn biex jibdluha. Alloka l-ħin għal xi ħadd fil-ħajja tiegħek u tirċievi aktar milli tikseb fuq Facebook jew Twitter. Hemm affarijiet oħrajn li tista’ tagħmel fil-ħajja reali? Għax ma tqattax ftit ħin tagħmel xogħol ta’ volontarjat, jew tiltaqa’ mal-ħbieb f’xi bar jew stabbiliment tal-ikel?
Taf x’inhu l-isbaħ mod biex taqta’ mill-media soċjali? Sib affarijiet ġodda x’tagħmel. Ħalli s-smartphone tiegħek id-dar u mur aqdef bir-rota, jekk għandek ġnien jew terrazza d-dar mur u qatta’ ftit ħin għall-kwiet, jew inkella oħroġ imxi jew mur sal-gym. Hu x’inhu dak li ddeċidejt li tagħmel, sib il-ħin u wettqu. Agħti lilek innifsek xi ħaġa aħjar milli taħli l-ħin fuq il-Facebook biex targumenta man-nies jew tissindika x’qed tagħmel dik u x’qed jagħmel l-ieħor.
Li tinqata’ mill-media soċjali jista’ jiddiżappunta, imma m’għandux għalfejn ikun. Jekk tesegwixxi xi wieħed minn dawn is-suġġerimenti t’hawn fuq, jista’ jipperswadik tiskonnettja ruħek mill-‘basysitter elettroniku’ u tuża ħinek bl-aktar mod effettiv.