Ninsabu fl-eqqel tas-sajf u jmissek qiegħed/a fuq xi xtajta tgawdi l-baħar flok qed taħdem. Iż-żmien qed jgħaddi tant bil-mod li m’intix ċert/a jekk żviluppajtx xi abbilta’ ġdida biex twaqqaf il-ħin. Ejja ngħinuk titgħallem xi ftit dwar drittijietek fil-post tax-xogħol forsi ż-żmien jgħaddi iżjed malajr u inti terħilha ‘l bogħod mix-xogħol.

1. Il-leave

Bħal Superman, li xi kultant iħalli d-dinja fuq leave biex iżur il-pjaneta Krypton, inti intitolat għal xi 200 siegħa leave kull sena jekk taħdem full-time. Jekk inti taħdem fuq bażi part-time, għandek tingħata leave skont is-sigħat li taħdem. Bħala regola, għal kull 10.4 sigħat maħdumin, għandek tingħata siegħa leave (li  hi  inkluża fl-10.4 sigħat). 

Kun af li għandek dritt li tieħu l-leave. MADANKOLLU, il-management għandu kull dritt li ma tiħdux f’dak il-jum partikulari. Iżda, min iħaddem ma jistax jibqa’ jirrifjuta l-leave b’mod indefinit. Barra minn hekk, is-superjur tiegħek ma  jistax iħallsek flok jagħtik il-leave. Huwa llegali għal xi ħadd li jħallsek għal-leave flok jagħtihulek. Dan sakemm inti se tirriżenja u għad għandek il-leave li ma ħadtx. F’dan il-każ, u biss f’dan il-każ, tista’ titħallas għal-leave tiegħek. 

Inti wkoll intitolat għal 15-il siegħa leave  tal-emerġenza li hu parti mill-200 siegħa leave. Il-management ma  jistax jirrifjuta dan. Jista’ biss jittieħed f’każi ta’ emerġenza estrema bħal mard għall-għarrieda, f’każ ta’ xi inċident li jinqala’ lil xi membru tal-familja jew inkella għandek il-kapaċita’ qawwija li tisma’ lil xi ħadd jiġi attakkat xi 50 kilometru  ‘l bogħod minnek u jeħtieġ il-veloċita’ qawwija tiegħek sabiex issalvah!. 

 2. Ħinijiet tax-xogħol

Sakemm m’intix Jack Bauer, tipprova ssalva lil pajjiżek f’24 siegħa, ma tistax taħdem aktar minn 13-il siegħa kuljum. Fil-fatt  hu, bħalek, intitolat għal 11-il siegħa ta’ serħan mhux interrott kull 24 siegħa. 

Jekk tinzerta taħdem aktar minn sitt sigħat kuljum, inti intitolat tal-inqas brejk ta’ kwarta kull sitt sigħat (ma nafux jekk Jack Bauer kienx fil-fatt ingħata dan IMMA kellu jkun intitolat). 

Kull 14-il siegħa inti intitolat għal tal-inqas żewġ perijodi ta’ serħan mhux interrotti ta’ 24 siegħa kull perijodu. Fil-fatt, Jack Bauer kien intitolat għal dan, għalkemm qatt ma ngħatajna ċ-ċans li naraw il-waqfa tiegħu għall-mistrieħ f’xi wieħed mill-episodji! 

Barra minn hekk, min iħaddmek ma jistax iġiegħlek twieġeb lemails wara l-ħin tax-xogħol. Dan ma jgħoddx bħala waqfa għall-mistrieħ mhux interrotta. 

 

3.Remunerazzjoni u bonuses

 

Għalkemm Bronn ta’ Blackwater minn Game of Thrones kien imwiegħed kastell bħala ħlas talli għen lil-Lannisters biex jiksbu t-tron, hu suppost kellu jitħallas kull 28 ġurnata.  Huwa llegali għal min iħaddem li jirrifjuta li jħallsek kull  tant żmien jew minflok iwiegħdek xi ħaġa oħra bħal, xi kastell. 

Barra minn hekk, il-paga ma tistax titnaqqaslek talli tkun provdut b’uniformi (korazza jekk inti xi kavallier) jew locker (jew xi kamra f’kastell), jew xi parkeġġ (jew xi zona biex torbot iż-żiemel tiegħek). 

Il-paga minima din is-sena hi ta’ €4.31 kull siegħa jekk inti għandek 18-il sena jew aktar. Dan jammonta għal €8,964.80 kull sena jekk inti taħdem full-time. 

Anki jekk inti biss taħdem part-time, inti intitolat għal bonus statutorju (ma jistax, minflok, jinbidel għal xi kastell). 

 

4. Id-diskriminazzjoni

Sakemm m’intix Offred, tgħix f’dinja immaġinarja fejn in-nisa jeżistu biss biex iġibu l-ulied bħal fil-Handmaid’s Tale, fortunatament aħna għadna ngħixu f’dinja fejn, suppost, l-irġiel u n-nisa jingħataw l-istess opportunitajiet kullimkien. 

Mhux biss, għax jekk jagħmlu l-istess xogħol, jingħataw l-istess ħlas. Għandhom ukoll jingħataw l-istess opportunitajiet għall-promozzjoni.  

Min iħaddem ma jistax jirreklama xogħol għall-irġiel biss jew għan-nisa biss u ma jistax jiddiskrimina fl-intervisti. 

 

5. Ikkuntattja l-esperti dwar id-drittijiet tax-xogħol 

Jekk inti tħoss li d-drittijiet tiegħek mhux qed jingħatawlek minn min iħaddmek, dejjem tista’ tikkuntattja lill-esperti – ħadd ħlief il-UĦM Voice of the Workers. F’din il-union, aħna noffru l-għajnuna sabiex inti tikseb drittijietek. Aħna nintervjenu mal-management meta jkun il-bżonn u dejjem disponibbli biex niltaqgħu miegħek ħalli niddiskutu s-soluzzjonijiet għal kull kwistjoni li tista’ tinqala’ fil-post tax-xogħol tiegħek. Dan hu offrut billi tħallas miżata ta’ €42 fis-sena. Ikkuntattjana issa għal aktar  informazzjoni.