“Meta wieħed jagħlaq għajn waħda jkun qed jikkontribwixxi fin-negliġenza”
“Jekk wieħed jagħlaq għajn waħda fl-obbligi marbutin mas-Saħħa u s-Sigurtà ikun qed jikkontribwixxi fin-negliġenza.”
Hekk stqarr Aldo Busuttil, Prattikant fis-Saħħa u s-Sigurtà, f’intervista ma’ Voice of the Workers fil-jiem li għaddew.
Aldo Busuttil stqarr li mill-ħafna twissijiet u assigurazzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet u minn esponenti fis-settur tal-kostruzzjoni, wieħed ma jistax jgħid li ma tgħallimna xejn. Hu qal li hawn min fehem, hawn min qed jipprova jifhem u hawn min ma jridx jifhem.
Aldo Busuttil fisser li ħarġu diversi avviżi legali, fosthom, Avviż Legali 36 tal-2003 li jobbliga lil min iħaddem biex jevalwa r-riskji li se jagħmel, jiġifieri r-risk assessments, u x’miżuri ta’ kontroll iridu jittieħdu biex dawn ir-riskji jitnaqqsu jew jiġu eliminati.
B’reazzjoni għal kumment partikulari li ttella’ fuq il-media soċjali fejn intqal li “qed ninqdew bl-amateurs”, Aldo Busuttil qal l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA) għandha lista ta’ nies kompetenti li għandhom l-esperjenza biex jeżerċitaw ix-xogħol fuq saħħa u sigurtà.
Mistoqsi dwar x’għandu jsir biex inċidenti fatali ma jirrepetux ruħhom, Aldo Busuttil stqarr li l-għarfien u l-għoti tal-informazzjoni lill-pubbliku huma affarijiet tajbin u għandhom isiru regolarment. Tagħrif pubbliċitarju li jkun imxandar fuq il-media huwa wkoll pożittiv. Imma dan mhux biżżejjed.
Aldo Busuttil wassal messaġġ lill-ħaddiema u lil min iħaddem fis-settur tal-kostruzzjoni.
Kollox ma’ kollox, jekk żviluppatur ta’ proġett ta’ kostruzzjoni jsegwi r-regolamenti u l-linji gwida kif ukoll jappunta n-nies kompetenti skont l-liġi, ir-riskji żgur li jonqsu drastikament.