Malta, Zelensky u l-gwerra
Ftit kienu jemmnu li l-Ukrajna kienet se tiflaħ għall-attakk Russu lil hinn minn xi ftit ġimgħat meta bdiet l-invażjoni fi Frar li għadda. Tliet xhur wara, madankollu, Kiev għadha taħt il-kontroll tal-Ukrajna u ħlief għal xi partijiet fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż l-invażjoni Russa għamlet avvanz modest waqt li ġarrbet telf kbir. Jidher ċar li l-kalkoli ta’ Vladimir Putin li jieħu l-Ukrajna u jiskoraġġixxi aktar espansjoni lejn il-lvant tan-NATO kienu żbaljati. Mhux talli r-Russja falliet milli tieħu l-Ukrajna, talli spiċċat biex immobilizzat lid-dinja tal-Punent kontriha sal-punt li l-Finlandja u l-Isvezja – żewġ pajjiżi li għalihom in-newtralità kienet pilastru ewlieni tal-politika barranija tagħhom – issa qegħdin jitolbu li jissieħbu fl-alleanza. Ta’ min ifakkar kif sal-2019 in-NATO kienet qed tiffaċċja kriżi eżistenzjali, imma issa f’daqqa waħda reġgħet ħadet il-ħajja.
M’hemmx dubju li din il-gwerra qed tħalli impatt fuq livell politiku, militari u ekonomiku. Fl-aħħar mill-aħħar, qed nesperjenzaw perjodu storiku, bħat-tieni nofs tas-snin tletin tas-seklu li għadda meta l-gwerra kienet fuq ix-xefaq u l-pajjiżi bdew jarmaw ruħhom filwaqt li jipperseveraw bid-diplomazija. Huwa inaċċettabbli li pajjiż sovran indipendenti jitlef l-integrità territorjali tiegħu bħala riżultat ta’ aggressjoni mhux ipprovokata mill-ġar tiegħu. Id-dikjarazzjoni ta’ gwerra ta’ Putin kontra l-Ukrajna kienet daqs li kieku mar għall-gwerra mal-bqija tal-Ewropa.
Matul dawn ix-xhur il-President Ukren Volodymyr Zelensky spikka għar-reżiljenza, id-determinazzjoni, il-kuraġġ quddiem id-diffikultajiet. Dawn il-karatteristiċi ġew murija waqt l-indirizz riċenti lill-parlament Malti. Dan l-avveniment li kien maħsub biex iwassal l-appoġġ ta’ Malta lill-Ukrajna spiċċa fl-aħbarijiet għal raġunijiet ħżiena. Xi wħud saħansitra ttimbraw dan l-indirizz bħala stunt tar-relazzjonijiet pubbliċi li marret ħażin ħafna. Filwaqt li mhux se nidħlu fil-kontroversja li tqajment mill-Ispeaker dwar jekk dan għandux jiġi deskritt bħala kunflitt jew gwerra, kien evidenti li l-uniku messaġġ mill-Kamra tad-Deputati kien li nenfasizzaw il-klawsola ta’ newtralità tagħna fil-Kostituzzjoni u l-appoġġ għall-applikazzjoni tal-Ukrajna għal sħubija fl-UE. Jekk tagħsar id-diskors ftit li xejn kien hemm iktar ta’ sustanza.
Madankollu, is-sejħa ta’ Zelensky ma kinitx biex Malta tinvolvi ruħha militarment. It-talba tiegħu kienet li Malta “tiġix abbużata” mill-oligarki Russi permezz tal-iskema tal-passaporti filwaqt li jħeġġeġ lill-parlamentari Maltin biex “jagħmlu l-kontrolli, [u] jaraw liema Russi qed jużaw lil Malta biex jinħbew”.
Barra minn hekk, il-president tal-Ukrajna ma qagħadx jilgħab bid-diskors f’dak li għandu x’jaqsam mal-industrija tat-trasport taż-żejt Russu minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE. “Kull ewo u dollaru li tistgħu taqilgħu se jkunu akkumpanjati minn telf kbir jekk ma tistax twaqqaf il-kriżi tal-ikel, iżda wkoll il-kriżi tal-migrazzjoni.” Il-pressjoni taż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-aħħar mill-aħħar se tolqot ħażin lill-Asja u lill-Afrika ta’ Fuq, li min-naħa tagħhom tagħmel il-kriżi tal-migrazzjoni agħar għal Malta, kompla Zelensky.
Filwaqt li mhux qed nisħqu li għandu jkun hemm sitwazzjoni fejn Malta għandha ssegwi lill-Ukrajna bħallikieku kienet parti minn alleanza konġunta jew li tbaxxi rasha għat-talbiet kollha tagħha, l-inqas ħaġa li nistennew mill-ogħla istituzzjoni eletta demokratikament hija li jkunx hemm dikjarazzjonijiet ta’ sustanza meta nindirizzaw. President li pajjiżu qed jiġġieled għall-eżistenza tiegħu.