(Ritratt: Ivana Busuttil/Malta Roads Traffic Updates)

Is-sewwieqa li jgħaddu mill-Bajja tal-Għadira se jieħdu xi ftit tar-ruħ bl-aħbar li din it-triq arterjali ewlenija mistennija terġa’ tinfetaħ sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa. Infrastructure Malta li qed tieħu ħsieb ix-xogħlijiet qalet lil Voice of the Workers Weekly li l-erba’ korsiji ta’ Triq il-Marfa se jerġgħu jinfetħu sal-Ħadd 22 ta’ Mejju.

Fl-aħħar ġimgħat din it-triq ewlenija li hija l-unika rotta għall-vapur  t’Għawdex u l-Bajja tal-Armier kienet sors kbir ta’ frustrazzjoni hekk kif l-għeluq ta’ tnejn mill-erba’ karreġġjati rriżulta f’konġestjoni speċjalment fi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi. Ix-xogħlijiet ilhom għaddejjin mill-bidu tas-sena bħala parti minn proġett biex jitqiegħdu mains tal-ilma taħt il-karreġġjata lejn it-tramuntana, u sussegwentement biex tinbena mill-ġdid din il-parti tat-triq. Madankollu, il-pass kajman tax-xogħlijiet u xi drabi n-nuqqas ta’ preżenza  tal-pulizija jew gwardjani tat-traffiku rriżultaw fi traffiku kbir. Dan wassal għal ilmenti li  l-Ħadd wara nofsinhar vjaġġ qasir miċ-Ċirkewwa sal-bypass tal-Mellieħa jieħu kważi sagħtejn. Sewwieqa irrabjati ilmentaw fuq Facebook u xi wħud saħansitra ħadu ritratti bl-użu ta’ drone biex jagħmlu l-punt tagħhom.

Ikkuntattjat minn dan il-portal, kelliem għal Infrastructure Malta saħaq li ġie introdott pjan temporanju ta’ ġestjoni tat-traffiku biex il-karreġġjata tan-nofsinhar tintuża bħala triq b’żewġ direzzjonijiet, b’karreġġjata waħda f’kull direzzjoni. Għalkemm saħaq li uffiċjali tal-infurzar ta’ Transport Malta kienu fuq il-post biex jassistu lis-sewwieqa tat- li jivvjaġġaw tul din ir-rotta, f’xi okkażjonijiet ħadd minn dawn l-uffiċjali ma kien preżenti. Barra minn hekk, il-bollards li jiddemarkaw l-arranġament temporanju tat-traffiku ġew installati biss wara appelli mis-sewwieqa minħabba l-periklu li kien hemm.

Infrastructure Malta qalet li l-biċċa l-kbira tal-mains tal-ilma fuq medda ta’ 4.8 kilometri tpoġġew u għalhekk qed jerġgħu jinbnew il-karreġġjata, il-bankini u l-pedestrian crossings. Ix-xogħlijiet jinkludu wkoll main ta’ 600 millimetru li jifforma parti mill-proġett tal-Korporazzjoni li tgħaqqad il-ġibjuni tagħha f’Ta’ Qali mar-Reverse Osmosis taċ-Ċirkewwa u Ħondoq ir-Rummien, biex ittejjeb il-kwalità tas-servizzi tagħha fil-Gżejjer Maltin.

Aktar dewmien possibbli wara s-sajf

Għalkemm il-karreġġjata lejn it-Tramuntana se terġa’ tinfetaħ sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa meta jkunu tqiegħdu l-pedamenti l-ġodda u jingħata l-ewwel saffi tal-asfalt, ix-xogħolijiet se jerġgħu jibdew wara s-sajf biex issir l-aħħar parti tal-proġett. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm aktar dewmien aktar ’il quddiem fid-dawl ta’ proġett separat biex jissebbaħ il-promenade tal-Bajja tal-Għadira. Dan tal-aħħar hu proġett tal-Ministeru tat-Turiżmu u hu ppjanat li jibda f’Ottubru. Fid-dawl tal-esperjenza riċenti wieħed jittama li ċerti żbalji ma jiġux ripetuti.