Liġi li dwar il-greenwashing u l-informazzjoni qarrieqa dwar il-prodotti
Il-Parlament ta l-approvazzjoni finali tiegħu għal direttiva li se ttejjeb it-tikkettar tal-prodotti u tipprojbixxi l-użu ta’ asserzjonijiet ambjentali qarrieqa.
Id-direttiva adottata b’593 vot favur, 21 kontra, u 14-il astensjoni tfittex li tipproteġi lill-konsumaturi minn prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni qarrieqa u tgħinhom jagħmlu għażliet ta’ xiri aħjar. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, għadd ta’ drawwiet problematiċi ta’ kummerċjalizzazzjoni relatati mal-greenwashing u t-tmiem bikri tal-prodotti se jiżdiedu mal-lista tal-UE ta’ prattiki kummerċjali pprojbiti.
Reklamar aktar preċiż u affidabbli
Fuq kollox, ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jagħmlu t-tikkettar tal-prodotti aktar ċar u affidabbli billi jipprojbixxu l-użu ta’ asserzjonijiet ambjentali ġenerali bħal “favur l-ambjent”, “naturali”, “bijodegradabbli”, “newtrali għall-klima” jew “eko” mingħajr prova.
L-użu ta’ tikketti ta’ sostenibbiltà issa se jiġi rregolat ukoll, minħabba l-konfużjoni kkawżata mill-proliferazzjoni tagħhom u n-nuqqas ta’ użu ta’ data komparattiva. Fil-futur, fl-UE se jkunu permessi biss tikketti ta’ sostenibbiltà bbażati fuq skemi ta’ ċertifikazzjoni uffiċjali jew stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi.
Barra minn hekk, id-direttiva se tipprojbixxi l-asserzjonijiet li prodott ikollu impatt newtrali, imnaqqas jew pożittiv fuq l-ambjent minħabba skemi ta’ kumpens għall-emissjonijiet.
Enfasi fuq id-durabbiltà
Objettiv importanti ieħor tal-liġi l-ġdida huwa li l-produtturi u l-konsumaturi jiffukaw aktar fuq id-durabbiltà tal-oġġetti. Fil-futur, l-informazzjoni dwar il-garanzija trid tkun aktar viżibbli u se tinħoloq tikketta ġdida u armonizzata biex tagħti aktar prominenza lill-prodotti b’perjodu estiż ta’ garanzija.
Ir-regoli l-ġodda se jipprojbixxu wkoll asserzjonijiet ta’ durabbiltà bla bażi bħal pereżempju jgħidu li magna tal-ħasil tiflaħ tagħmel 5,000 ċiklu tal-ħasil jekk fil-verità dan ma jkunx veru f’kundizzjonijiet normali. Se jkun ipprojbit ukoll li l-konsumaturi jiġu mħeġġa jissostiwixxu l-oġġetti aktar kmieni milli jkun strettament meħtieġ (ta’ spiss il-każ bil-linka tal-printer, pereżempju), u li l-oġġetti jiġu ppreżentati bħala li jistgħu jissewwew meta ma jkunux.
Il-passi li jmiss
Id-direttiva issa teħtieġ ukoll li tirċievi l-approvazzjoni finali mill-Kunsill. Wara, se tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali u l-Istati Membri jkollhom 24 xahar biex jagħmlu t-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali.
Sfond
Id-direttiva l-ġdida għandha l-għan li taħdem flimkien mad-direttiva dwar l-asserzjonijiet ekoloġiċi, li bħalissa qed tiġi diskussa fl-istadju tal-kumitat fil-Parlament. Id-direttiva li jmiss dwar l-asserzjonijiet ekoloġiċi se tkun aktar speċifika u telabora l-kundizzjonijiet għall-użu tal-asserzjonijiet ambjentali f’aktar dettall.