Ir-regoli l-ġodda jintroduċu mudell armonizzat għall-azzjoni rappreżentattiva fl-Istati Membri kollha li jiggarantixxi li l-konsumaturi jkunu protetti sew mid-dannu tal-massa, filwaqt li jiżgura salvagwardji xierqa biex jiġu evitati kawżi abbużivi.

L-Istati Membri kollha jrid ikollhom almenu mekkaniżmu proċedurali wieħed effettiv li jippermetti lil entitajiet kwalifikati (eż. organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jew korpi pubbliċi) jressqu kawżi l-qorti bl-iskop ta’ mandat (ta’ inibizzjoni jew projbizzjoni) jew rimedju (kumpens). Din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi twaqqaf il-prattiki illegali u tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja għall-konsumaturi.

Aktar drittijiet għall-konsumaturi u salvagwardji għan-negozjanti

Il-mudell Ewropew ta’ azzjoni kollettiva se jippermetti li jkunu biss entitajiet kwalifikati, bħall-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, li jkunu jistgħu jirrappreżentaw gruppi ta’ konsumaturi u jressqu kawżi l-qorti, minflok uffiċċji legali.

Sabiex jitressqu l-qorti azzjonijiet li jinvolvu iktar minn pajjiż wieħed, entitajiet kwalifikati se jkollhom jikkonformaw mal-istess kriterji fl-UE kollha. Huma se jkollhom iġibu prova li għandhom ċerta livell ta’ stabbiltà u jkunu jistgħu juru l-attività pubblika tagħhom, u li huma organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. Għal azzjonijiet interni, l-entitajiet se jkollhom jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-liġijiet nazzjonali.

Ir-regoli jintroduċu wkoll salvagwardji qawwija kontra kawżi abbużivi bl-użu tal-prinċipju ta’ “min jitlef iħallas”, li jiżgura li l-parti li titlef tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-parti li tirbaħ.

Biex jiġi evitat li azzjonijiet rappreżentattivi jiġu użati ħażin, id-danni punittivi wkoll iridu jiġu evitati. Entitajiet kwalifikati għandhom ukoll jistabbilixxu proċeduri biex jiġu evitati kunflitti ta’ interessi u influwenza esterna, jiġifieri jekk ikunu finanzjati minn parti terza.

L-azzjonijiet kollettivi jistgħu jitressqu kontra negozjanti jekk ikunu allegatament kisru l-liġi tal-UE f’firxa wiesgħa ta’ oqsma bħall-protezzjoni tad-data, l-ivvjaġġar u t-turiżmu, is-servizzi finanzjarji, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni.

Fl-aħħar nett, id-direttiva tkopri wkoll il-ksur li jkun waqaf qabel mal-azzjoni rappreżentattiva titressaq jew tintemm, peress li l-prattika jaf xorta jkollha tiġi projbita biex jiġi evitat li terġa’ tiġri.

Il-passi li jmiss

Id-direttiva se tidħol fis-seħħ 20 jum l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. L-Istati Membri mbagħad se jkollhom 24 xahar biex jittrasponu d-direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom u sitt xhur oħra biex japplikawha. Ir-regoli l-ġodda se japplikaw għall-azzjonijiet rappreżentattivi li jitressqu fid-data ta’ applikazzjoni tagħha jew warajha.

L-isfond

Id-Direttiva dwar l-Azzjoni Rappreżentattiva, li ġiet ippreżentata f’April 2018 mill-Kummissjoni Ewropea, intlaħaq qbil fuqha min-negozjaturi tal-PE u l-Ministri tal-UE f’Ġunju 2020. L-abbozz, li huwa parti mill-Patt Ġdid għall-Konsumaturi, sar b’reazzjoni għas-serje ta’ skandli reċenti relatati ma’ ksur tad-drittijiet tal-konsumaturi minn kumpaniji multinazzjonali. F’għadd ta’ Stati Membri, il-konsumaturi ġa jistgħu jiftħu azzjonijiet kollettivi fil-qrati, iżda issa din l-għażla se tkun disponibbli fil-pajjiżi kollha tal-UE.