Il-gratitudni hi l-aktar emozzjoni b’saħħitha mill-emozzjonijiet umani kollha. Mill-osservazzjoni personali tiegħi, il-gratitudni u l-apprezzament huma żewġ attitudnijiet li huma sottovalutati hekk kif huma essenzjali għas-saħħa mentali.

Dawk in-nies li huma grati kapaċi jaraw u japprezzaw l-affarijiet pożittivi fil-ħajja. Bla dubju, li tkun grat huwa faċli meta kollox ikun miexi ħarir. Imma anki meta ħafna affarijiet jaħarbu mill-attenzjoni tagħna, hemm it-tendenza li nieħdu l-affarijiet, bħas-sigurta’, is-saħħa u gruppi ta’ appoġġ, for granted. Huwa biss meta f’daqqa waħda nitilfu dawn l-affarijiet li nintebħu kemm dawn ikunu importanti.

Forsi dan hu l-qofol tal-gratitudni: tiġi aktar faċli għal dawk li jitgħallmu, jew ikunu sfurzati, biex joqogħdu attenti għad-dettalji. Imma daqs kemm tbissima ħelwa ma’ stranġier, huwa faċli li ninsew kemm huma sinifikanti l-atti żgħar tal-ġentilezza u l-gratitudni, speċjalment meta l-affarijiet imorru ħażin.

Fl-istess waqt, huwa ferm aktar faċli li nkunu grati għall-affarijiet żgħar fil-ħajja meta kollox imur ħażin. Dan meta jidher li ma jkun hemm xejn aktar biex inkunu grati lejh.

Issib min jgħidlek li meta japprezza jkun grat lejn dak li jseħħ f’ħajtu, jinbidel fil-mod kif jesperjenza l-ħajja. Min jibda jieħu pjaċir jimxi fil-kampanja jew fejn il-baħar jew inkella sempliċiment igawdi s-sbuħija fl-għana tal-għasafar. Dan kollu ma jitteħidx for granted, anzi l-kuntrarju.

Dawk li jiffokaw biss fuq in-nuqqasijiet f’ħajjithom qatt ma jkunu sodisfatti bihom infushom. Huwa normali li nilmentaw; wara kollox xi drabi rridu nneħħu dik il-balli minn fuq l-istonku. Il-psikologi jgħidulek li jekk niffokaw fuq in-nuqqasijiet tagħna, dawn  jispiċċaw biex isiru l-attitudni bażika tagħna. U hawn meta nħabbtu wiċċna mal-għawġ.

L-aħbar it-tajba hi li bidla fil-perspettiva, u l-abbilta’ li nitgħallmu napprezzaw mumenti sbieħ, hi deċiżjoni konxja li kulħadd jista’ jagħmel. Imma din id-deċiżjoni konxja trid tkun prattikata dejjem aktar. Il-gratitudni qisa muskolu – tista’ tiġi  mħarrġa. Taħriġ li jsarraf, speċjalment fi żminijiet koroh.