L-eks Prim Ministru Ingliż Harold Wilson darba qal li ġimgħa fil-politika hija żmien twil. Il-ġrajjiet riċenti f’10 Downing Street urew li llum il-ġurnata anke 48 siegħa jistgħu jkunu biżżejjed biex ikun hemm taqliba sħiħa. Boris Johnson li 36 xahar ilu biss mexxa lill-Partit Konservattiv għall-akbar rebħa elettorali mill-1987, spiċċa kellu jirriżenja wara li f’inqas minn jumejn tilef l-appoġġ ta’ aktar minn 60 deputat parlamentari u ministru tal-kabinett. Il-Kap tal-Konservattivi tilef postu għax inħass li ma kienx għadu denju li jkun imexxi l-pajjiż wara sensiela ta’ skandli li wrew ġudizzju politiku żbaljat, ksur ta’ regolamenti tal-pajjiż u xi wħud jistgħu saħansitra jgħidu Prim Ministru li nqabad jigdeb b’mod sfaċċat lill-elettorat.

Għalina f’Malta dawn l-avvenimenti għandhom iservu bħala gwida fir-responsabbiltà politika, mudell ta’ kif għandhom jaħdmu l-istituzzjonijiet li għandhom dejjem ikunu ’il bogħod mill-politiċi u eżempju ħaj ta’ kif il-parlamentari għandhom dejjem ipoġġu l-interessi tal-pajjiż qabel dawk tal-partit.

Għalkemm m’hemm l-ebda demokrazija li għandha immunità totali mill-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter, it-test reali huwa l-mod kif sitwazzjonijiet bħal dawn jiġu indirizzati. Fil-każ tal-Prim Ministru Ingliż, it-tmiem tiegħu kien riżultat ta’ sensiela ta’ skandli li wħud minnhom irriżultaw f’investigazzjonijiet kriminali bħall-hekk imsejjaħ ‘partygate’. Dan tal-aħħar wassal lill-pulizija Metropolitana biex tiftaħ investigazzjoni dwar membri tal-gvern u uffiċjali pubbliċi li ħadu sehem f’attivitajiet soċjali organizzati waqt il-lockdown bi ksur sfaċċat tal-liġi u kontra dak li kien qed jiġi ordnat minn Johnson innifsu. Barra minn hekk, infetħet ukoll inkjesta u madwar 70 individwu ġew interrogati. Min qara l-konklużjonijiet ta’ din l-inkjesta, seta’ jara kif l-investigaturi ma harsu lejn wiċċ ħadd u saħansitra esponew tentattivi li kienu qed isiru biex ikun hemm ċertu indħil f’xogħlhom. Fl-aħħar mill-aħħar, inħarġu aktar minn 100 multa mill-pulizija Metropolitana. Essenzjalment, dan kien każ ta’ politiċi u persuni qrib tagħhom li ħasbu li kienu ’l fuq mil-liġi. Irriżulta li ma kinux, iżda dan kien biss grazzi għall-midja u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi li għamlu xogħolhom.

Johnson sab ruħu wkoll f’baħar ta’ inkwiet minħabba d-deċiżjoni tiegħu li jaħtar deputat parlamentari bħala chief whip minkejja li kien jaf li dan tal-aħħar kien wettaq offiżi sesswali. Fi kliem ieħor, id-deputat tal-Gvern stess ħadu azzjoni għax qatt ma setgħu jaċċettaw sitwazzjoni bħal din.

Għalkemm il-kritika saret ukoll fuq livell ta’ politika, il-kwistjoni prinċipali fost ir-‘ribelli’ kienet bħal ma qal il-Ministru tas-Saħħa Sajid Javid fl-ittra tar-riżenja tiegħu. “Il-messaġġi li tibgħat bħala mexxej, u l-valuri li tirrappreżenta, jirriflettu mhux biss fuqu u fuq il-kollegi, iżda fuq il-partit tiegħek u fl-aħħar mill-aħħar il-pajjiż… Qdejt dmiri lealment u bħala ħabib, imma l-ewwel dmir tagħna hu li naqdu l-pajjiż. Meta tiġi f’sitwazzjoni li jkollok tagħżel bejn dawn il-lealtajiet, tweġiba waħda biss jista’ jkun hemm.”

Lura għall-kuntest Malti, ilkoll nistgħu nirriflettu u naslu għall-konklużjonijiet tagħna ta’ x’jiġri jekk jinqalgħu sitwazzjonijiet simili. Il-paraguni huma odjużi iżda xi drabi meħtieġa biex titgħallem jekk hux fit-triq it-tajba jew le. L-integrità u l-fiduċja huma bbażati fuq istituzzjonijiet, riformi u regolamenti iżda fl-aħħar mill-aħħar kollox jiddependi fuq l-istandards ta’ integrità tal-individwu kif ukoll minn dak li jistenna l-elettorat. Wara kollox pajjiż ikollu l-gvern li jixraqlu.