Il-ministri tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali qablu matul il-laqgħa tagħhom tal-Kunsill ta’ Ġunju li jwasslu għall-miri stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali lejn Ewropa soċjali b’saħħitha li tiffoka fuq l-impjiegi, il-ħiliet u l-inklużjoni soċjali.

It-tliet miri soċjali fil-livell tal-UE li għandhom jintlaħqu sal-2030 huma:

  • mill-inqas 78% tan-nies ta’ bejn l-20 u l-64 sena ikollhom xogħol
  • mill-inqas 60% tal-adulti kollha għandhom jieħdu sehem fit-taħriġ kull sena
  • in-numru ta’ nies f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali għandu jitnaqqas b’mill-inqas 15-il miljun, inklużi mill-inqas 5 miljun tifel u tifla, meta mqabbel mal-2019

L-Istati Membri kollha ppreżentaw proposti għall-miri nazzjonali tagħhom biex jikkontribwixxu għall-ambizzjoni li jintlaħqu l-miri ewlenin tal-UE. Fis-snin li ġejjin, il-Kummissjoni Ewropea se tosserva mill-qrib l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Istati Membri, li flimkien, jaqbżu jew kważi jilħqu l-miri tal-UE. Il-monitoraġġ tal-Kummissjoni se jkun inkluż fil-proċess tas-Semestru Ewropew – il-qafas ta’ koordinazzjoni tal-UE għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi.