L-isfida tal-integrazzjoni għar-refuġjati u min qed ifittex l-ażil
Il-kriżi tal-immigrazzjoni ġabet magħha għexieren ta’ refuġjati u persuni li qed jfittxu l-ażil fl-Ewropa. Imma x’jiġri wara li jirfsu r-reġjun Ewropew, u fil-każ tagħna, f’Malta? Għal ħafna minn dawn il-persuni, li jaġġustaw għall-ħajja lokali hija iebsa.
Ir-riċerkaturi jitkellmu dwar ‘ġenerazzjoni mitlufa’, jiġifieri, professjonisti mill-kontinent Afrikan jew mil-Lvant Nofsani li spiċċaw fl-Ewropa u li ma kinux kapaċi jintegraw fis-suq tax-xogħol.
L-integrazzjoni hi dwar it-tagħlim ta’ regoli miktubin jew oħrajn li mhumiex, drawwiet kulturali u l-imġieba f’pajjiż barrani. Sabiex l-integrazzjoni taħdem, l-aċċess għas-suq tax-xogħol għandu jkun faċilitat bla skossi, u l-ħiliet għandhom ikunu magħrufa minn kmieni. Il-kwistjoni prinċipali hi kif dan il-proċess tal-integrazzjoni għandu jiġi mħaffef. Issib li numru ta’ refuġjati kwalifikati huma saħansitra bla xogħol, anki f’pajjiżna, u din hija ħasra ta’ kapital uman.
Naħseb li l-mod kif refuġjat jintlaqa’, flimkien ma’ taħriġ fil-lingwa tal-pajjiż li laqgħetu, l-orjentazzjoni kulturali u għajnuna biex jidħol fis-suq tax-xogħol, huma l-aktar miżuri importanti li għandhom jittieħdu mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta. Dan sabiex l-integrazzjoni tar-refuġjati tkun tabilħaqq iffaċilitata.
Fl-opinjoni tiegħi, għandna wkoll nikkunsidraw il-fatt li l-għajnuna li tingħata lir-refuġjati u lil min qed ifittex l-ażil biex jintegra, m’għandhiex tkun biss ġest umanitarju lejn ir-refuġjati infushom, imma għandu jkun fl-interess ta’ dak il-pajjiż li jipprovdi l-kenn. Dan għax refuġjati integrati aħjar jagħmilhom persuni aħjar fis-soċjetà u b’hekk is-sistema soċjali tagħna tissaħħaħ.
Mill-aspett demografiku, l-Ewropa għandha bżonn tissaħħaħ u jeħtieġ li l-istati membri kollha (mhux biss dawk fil-Mediterran) jilqgħu migranti li qed ifittxu l–ażil u għixien aħjar. Għalhekk, mhix biss kwistjoni li ngħinu lir-refuġjati; hija wkoll kwistjoni ta’ interess Ewropew, f’termini ta’ tmexxija aħjar tal-mobbiltà.
Ħafna refuġjati jittamaw li xi darba jmorru lura f’art twelidhom biex jgħixu u jaħdmu, imma għalissa l-Ewropa hija darhom. Filwaqt li t-triq ‘il quddiem toffri ħafna sfidi, il-voluntieri u l-għaqdiet qed jikkoordinaw flimkien biex jipprovaw jintegraw ħafna mill-wasliet il-ġodda u dan qed jipprovaw jagħmluh malajr kemm jista’ jkun.