Hekk  kif l-avvanzi kbar fit-teknoloġija u l-komunikazzjoni jibqgħu jsawru d-dinja madwarna, tali innovazzjonijiet wkoll qed jibdlu l-post tax-xogħol u n-natura tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Kwistjoni ta’ min wieħed jinnota u li ngħatat prominenza f’dawn  l-aħħar xhur kienet jekk min iħaddem u l-ħaddiema għandhomx jitfu kull kuntatt ta’ ħidma malli jitilqu l-post tax-xogħol tagħhom. 

Fit-28 ta’ Ottubru 2019, il-MEUSAC organizza konferenza ta’ nofs ta’ nhar dwar dan is-suġġett, bl-iskop li jibda diskussjoni fuq is-suġġett u jiġbor tagħrif minn diversi partijiet interessati. Kienet diskussjoni varjata, li inkludiet kwistjonijiet relatati mal-ħarsien mentali tal-individwu, sa dettalji kumplikati dwar kif wieħed jikseb bilanċ adekwat bejn ix-xogħol u l-ħajja. 

Fl-aħħar mill-aħħar, qasmiet imċajpra bejn il-ħajjiet personali u professjonali ta’ individwi jista’  jkollhom effetti ħżiena fuq is-saħħa mentali tagħhom, li jwasslu għal għejja kbira u tnaqqis fil-produttività fix-xogħol. Fil-fatt, skont rapport konġunt mill-UE u l-OECD, tnaqqis fil-produttività qed tiswa lil Malta madwar €400 miljun kull sena.