L-involviment tiegħek fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet
Wara li ġie attivat mill-ġdid fl-2008, il-MEUSAC kien minn ta’ quddiem billi ħeġġeġ lill-partijiet interessati li jirrappreżentaw diversi setturi sabiex isemmgħu t-tħassib u l-opinjonijiet tagħhom lill-Gvern fuq numru ta’ policies Ewropej li huma diskussi fuq livell ta’ Kunsill. Il-Kunsill huwa l-istitizzjoni Ewropea li tagħti vuċi lill-gvernijiet tal-istati membri tal-UE.
Dan il-proċess kien faċilitat permezz ta’ diversi sessjonijiet ta’ konsultazzjoni u informazzjoni organizzati mill-MEUSAC fuq livell lokali. Policies u liġijiet proposti huma spjegati tajjeb ħafna lil dawk kollha konċernati f’tentattiv biex jinġabar tagħrif ħalli Malta tiġi megħjuna tieħu pożizzjoni bi tħejjija għad-diskussjonijiet fuq livell ta’ Kunsill.
Matul l-2019, il-MEUSAC nieda proġett ambizzjuż immirat biex jifhem aħjar il-ħtiġiet u t-tħassib tal-partijiet interessati. Bħala parti mill-pjani tiegħu biex isaħħaħ is-servizzi li qed ikunu offruti preżentament, il-MEUSAC bħalissa qed jiltaqa’ ma’ diversi partijiet interessati b’mod individwali sabiex jiddiskuti l-aħjar triq ‘il quddiem f’termini li jkun faċilitat proċess li fl-aħħar mill-aħħar huwa mmirat biex jikkonsolida l-influwenza tal-partijiet interessati fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.
Wara diskussjonijiet interni, il-MEUSAC din is-sena ddeċieda li jtejjeb l-għarfien tiegħu f’numru ta’ oqsma tematiċi li jeħtieġu aktar involviment mal-partijiet interessati u r-rispons eventwali. B’riżultat ta’ dan, il-partijiet interessati f’diversi setturi qed ikunu involuti biex juru livell ta’ interess f’oqsma tematiċi magħżula u l-livell ta’ kontribut.