L-Intelliġenza Artifiċjali tista’ tagħmel aħjar
Immaġina ras bla xagħar u b’aċċess għal USB. Din hi l-iktar spjegazzjoni grafika u sempliċi li wieħed jista’ jagħti biex jiddeskrivi l-intelliġenza artifiċjali – il-fenomenu ġdid li jista’ jibdel drammatikament il-futur tax-xogħol. Fi kliem ieħor, l-Intelliġenza Artifiċjali tforni l-kapaċita’ lis-sistemi sabiex janalizzaw l-ambjent tagħhom u jieħdu deċiżjonijiet b’ċertu grad ta’ awtonomija. Jiġifieri, tippermetti lill-makni biex iwettqu xogħolijiet li qabel setgħu jsiru biss mill-bnedmin. L-effett fuq l-impjiegi huwa wiesa’. Il-faxxinu tal-intelliġenza artifiċjali fuq l-ipprogrammar sempliċi hu ‘tagħlim fil-fond’, l-abbilta’ ta’ makna li tipproċessa l-eżempji u ssegwi l-qafas.
Uħud jaraw dawn l-avvanzi bħala theddida; oħrajn bħala opportunita’. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel progress fil-logħba tal-Intelliġenza Artifiċjali. Fil-komunikat tagħha, tipproponi ħidma bażata fuq tliet binarji. L-ewwel, l-investimenti pubbliċi u privati fl-Intelliġenza Artifiċjali se jkunu inkuraġġiti; it-tieni, il-Kummissjoni se tappoġġja lill-istati membri sabiex iħejju għal bidliet soċjo-ekonomiċi li jiżviluppaw mill-Intelliġenza Artifiċjali, speċjalment fl-oqsma tax-xogħol u l-edukazzjoni, u finalment il-Kummissjoni se tibni fuq is-suċċess tal-introduzzjoni tal-GDPR sabiex tibni l-fiduċja u tassigura li kwistjonijiet etiċi u legali jkunu indirizzati.