L-infurzar fil-pajjiż huwa nieqes f’kull settur
“L-infurzar fil-pajjiż huwa nieqes f’kull settur.” Hekk stqarr eks uffiċjal tal-Pulizija f’intervista ma’ Voice of the Workers fil-jiem li għaddew.
“Ma nistax nimmaġina entita’ waħda li qed tieħu l-infurzar bis-serjeta’,”sostna magħna l-eks uffiċjal pubbliku, filwaqt li żied li “mhux qed ngħid li l-infurzar hu ineżistenti imma dan qed isir skont il-krizi li tinqala’.” Hu żied li din hi tendenza li ilha sejra s-snin u l-gvernijiet ta’ Malta, kemm dak preżenti kif ukoll tal-passat, ma jridux jindirizzawha bis-serjeta’ u allura qed nimxu minn kriżi għal oħra.
Hu qal li l-infurzar jista’ biss jissaħħaħ jekk l-awtoritajiet jindirizzawh b’mod ħolistiku. L-eks uffiċjal pubbliku kien skjett hu stqarr li l-poplu Malti mhux dixxiplinat u saħaq li jekk ma jsirx infurzar tal-ambjent fejn ngħixu u fejn naħdmu, il-pajjiż se jintlaqat b’mod ħażin.
Is-sors li tkellem ma’ dan il-portal fisser li aħna l-Maltin u ċittadini oħrajn ta’ pajjiżi fil-Mediterran, għandna t-tendenza li napplikaw il-kunċett ta’ crisis management enforcement. Kulmeta tinqala’ kriżi, nippruvaw nindirizzawha bl-infurzar. Hu qal li jeħtieġ ikun hemm viżjoni fit-tul ta’ fejn irridu naslu u jsir infurzar tabilħaqq bis-serjeta’ mid-diversi dipartimenti u entitajiet tal-Gvern. “B’hekk biss għandna nimxu ‘l quddiem biex is-soċjeta’ tkun aħjar”, saħaq magħna dan is-sors.
Hu stqarr li l-Gvern jirrappreżenta lill-istat u jekk ma jinfurzax dawk l-oqsma li jaqgħu taħtu, dawk li ma jaqgħux direttament taħtu jew ma jkollux ir-rieda adekwata, allura ħadd ma jibda jagħmel dan ix-xogħol u ċ-ċittadini jibdew jonqsu milli josservaw il-liġijiet.
Mistoqsi jekk hux kuntent bis-saltna tad-dritt u bis-sigurta’ fil-pajjiż, l-eks uffiċjal tal-Pulizija jaħseb li qed isiru sforzi biex is-sigurta’ fil-pajjiż tkun indirizzata. Fisser li lkoll rridu nagħmlu saqajna mal-art għax is-sitwazzjoni fil-pajjiż mhix waħda allarmanti; ir-reati qed jiġu investigati filwaqt li s’issa l-kriminalita’ mhux qed tgħolli rasha. “Ovvjament hemm pockets fis-soċjeta’, bħal każijiet li jinqalgħu minn żmien għal żmien f’Paceville u f’zoni turistiċi oħra, fejn m’hemmx l-infurzar meħtieġ”.
L-eks uffiċjal tal-Pulizija li tkellem magħna kompla li biex l-infurzar tal-liġi tissaħħaħ, il-Gvern għandu jżid ir-riżorsi biex iċ-ċittadini jkollhom moħħhom mistrieħ li min jikser il-liġi jħallas ta’ għemilu. Hu qal li l-awtoritajiet m’għandhomx jintiflu fuq kwistjonijiet żgħar u ma jagħtux kas tal-istampa sħiħa fil-pajjiż. “Ir-riżorsi jridu jkunu preżenti u min għandu s-setgħa biex jinforza m’għandux jinqabad f’morsa ta’ xkiel waqt il-qadi ta’ dmirijietu”.
L-eks uffiċjal tal-Pulizija jittama li ċ-ċittadin għandu fiduċja fil-Korp tal-Pulizija imma saħaq dwar l-importanza li kull ċittadin iħossu protett mhux biss mill-Pulizija imma wkoll minn kull awtorita’ li hi msejħa biex tipproteġih.