LEADER hu  metodu lokali għall-iżvilupp finanzjat mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali li ilu  jintuża 20  sena biex iħeġġeġ lill-individwi fid-disinn u t-twassil tal-istrateġiji, it-teħid tad-deċiżjonijiet u  l-allokazzjoni tar-riżorsi għall-iżvilupp ta’ zoni rurali madwar l-Unjoni Ewropea. 

F’Malta, tliet Gruppi ta’ Azzjoni Lokali (LAGs) kienu twaqqfu sabiex iwasslu  l-objettivi ta’ LEADER, jiġifieri l-fondazzjonijiet ta’ gruppi ta’ azzjoni Xlokk,  Majjistral u Għawdex. 

Il-Fondazzjoni ta’ Grupp ta’ Azzjoni Xlokk nediet sejħa fit-18 ta’ Settembru għal proposti dwar proġett biex il-kampanja ambjentali fix-Xlokk ta’ Malta tissaħħaħ. 

L-iskop hu li jkun appoġġjat l-iżvilupp ta’ infrastruttura ambjentali fi ħdan it-territorju permezz tal-iżvilupp/il-ħolqien ta’ spazji ambjentali miftuħin ġodda f’zoni rurali u l-installazzjoni ta’ elementi ta’ infrastruttura ambjentali fi ħdan zoni mibnija u rurali. Is-sejħa ġiet allokata budget totali ta’ €694,440. 

Il-benefiċjarji eliġibbli għall-fondi taħt din is-sejħa huma l-kunsilli lokali li jaħdmu fix-Xlokk ta’ Malta u għaqdiet volontarji ambjentali li huma reġistrati. Il-benefiċjarji jingħataw għajnuna finanzjarja sa 80 fil-mija malli l-investiment propost ikun approvat. 

L-iskop tal-Fondazzjoni  Gal Xlokk hu biex tgħin fit-tisħiħ tal-kwalita’ tal-ħajja u t-tisħiħ ekonomiku fis-17-il lokalita’ rurali li jinsabu fiz-zoni rurali fix-Xlokk ta’ Malta. Is-sejħa tagħlaq fis-17 ta’ Ottubru 2017 f’12 p.m.  

Dawk li jixtiequ japplikaw għal din  is-sejħa jistgħu jikkuntattjaw lill-MEUSAC għall-għajnuna fil-proċess tal-applikazzjoni għall-fondi Ewropej fuq 2200 3300 biex isir appuntament mat-tim dwar il-fondi Ewropej. Inkella, wieħed jista’ jibgħat email fuq funding.meusac@gov.mt