Irridu nkunu ċerti li dawk kollha li huma fil-ħajja pubblika, kemm jekk impjegati, maħturin jew eletti, ikunu konxji tar-responsabbiltajiet etiċi tagħhom u jkunu ppreparati biex jaġixxu bħala mexxejja etiċi. Il-pubbliku ma jistenna xejn inqas. 

Hemm  numru ta’ prinċipji li l-uffiċjali pubbliċi għandhom iħaddnu sabiex jesegwixxu l-ħidma u r-rwol tagħhom bl-aktar mod ġust u onest. 

Dawk li ġew fdati f’xi tmexxija pubblika għandhom jaġixxu biss fl-aħjar interess pubbliku. Ħalliha li ċertu persuni fl-ogħla karigi tal-pajjiż naqsu jew qed jonqsu milli jagħmlu dan. Iridu jevitaw li jpoġġu lilhom infushom taħt kwalunkwe obbligu lejn nies jew organizzazzjonijiet li jistgħu jippruvaw jinfluwenzawhom b’mod mhux xieraq fix-xogħol tagħhom. M’għandhomx jaġixxu jew jieħdu deċiżjonijiet sabiex jiggwadanjaw finanzjarjament jew jiksbu benefiċċji materjali għalihom infushom, għall-familja tagħhom jew għal ħbieb  tagħhom.  

Uffiċjali pubbliċi jridu jaġixxu u jieħdu deċiżjonijiet b’mod imparzjali, ġust u skont il-mertu mingħajr diskriminazzjoni jew preġudizzju. 

Għandhom ikunu kontabbli lejn il-pubbliku għad-deċiżjonijiet u azzjonijiet li jwettqu filwaqt li jridu jissottomettu lilhom infushom għall-iskrutinju li huwa neċessarju sabiex dan ikun assigurat. 

Uffiċjali pubbliċi għandhom jiddeċiedu b’mod miftuħ u trasparenti. L-informazzjoni m’għandhiex tinżamm a skapitu tal-pubbliku sakemm hemm raġunijiet ċari u legali biżżejjed biex dan  isir. Fuq kollox, l-uffiċjali pubbliċi għandhom jimxu skont il-verità. 

Huwa importanti li uffiċjali  pubbliċi ta’ fibra morali jesebixxi dawn il-prinċipji fl-imġieba tagħhom. Għandhom jippromwovu b’mod attiv u jappoġġjaw dawn il-prinċipji b’mod sħiħ. 

Il-mekkaniżmi għas-sejbien ta’ xi vjolazzjoni u investigazzjoni indipendenti tagħha huma parti importanti ta’ infrastruttura etika. Huwa neċessarju li jkun hemm proċeduri ta’ min jorbot fuqhom u riżorsi għall-monitoraġġ, ir-rappurtaġġ u l-investigazzjoni tal-vjolazzjonijiet tar-regoli ta’ amministrazzjoni pubblika  kif ukoll sanzjonijiet amministrattivi u dixxiplinarji,  sabiex l-imġieba mhux etika tiġi indirizzata.  

Tali mekkaniżmi għandhom ikunu ġusti u ta’ min jorbot fuqhom. Għandhom jipproteġu l-innoċenti u jikxfu min kien il-ħati. Il-penali għandhom ikunu proporzjonati u applikati b’mod konsistenti. Jekk dawn il-penali ma jkunux applikati, il-vjolazzjonijiet tal-etika ma jkunux kunsidrati serji. Dan ikun  ifisser li l-livelli etiċi  jintbagħtu għall-qerda tagħhom. U dan ma rriduhx!