L-għaqda nazzjonali – xi tfisser verament?
Aktar tard dan ix-xahar se ssir konferenza nazzjonali favur l-għaqda fuq inizjattiva tal-President ta’ Malta George Vella li sa mill-bidu tal-mandat tiegħu kien esprima x-xewqa li jonqsu l-qasmiet fis-soċjetà Maltija. Din il-konferenza se tkun qed tieħu l-forma ta’ numru ta’ diskussjonijiet li se jkunu preseduti minn personalitajiet magħrufa minn oqsma differenti tal-ħajja, imma li mhumiex fil-kamp politiku. Il-ħsieb wara dan hu biex kemm jista’ jkun id-diskussjoni ma tieħux xeħta partiġjana.
Biex dan il-ħsieb nobbli jkollu xi forma ta’ riżultat, imqar biex titqajjem iktar kuxjenza, hemm bżonn li jkun hemm parteċipazzjoni wiesgħa mill-poplu. Kif qal il-President, l-għaqda nazzjonali ma sseħħx billi kulħadd jippriedka u jippontifika dwarha, iżda b’impenn ġenwin mingħand kulħadd. Għalhekk il-punt tat-tluq għandu jkun il-kuntatt dirett mal-poplu li għandu jkun imħeġġeġ jipparteċipa u jgħid tiegħu. Jekk eżerċizzju bħal dan ikun limitat għal ċirku ristrett, ikun falla qabel ma beda, anki jekk ikollok l-ikbar imħuħ madwar il-mejda.
Fiċ-ċirkostanzi preżenti dan se jkun qed isir permezz tal-media soċjali bħall-Facebook. Ironikament, din il-pjattaforma diġitali qed tintuża bħala arma biex tixxerred il-mibgħeda, isiru attakki personali, il-preġudizzji u biex isir tixwix kontra kategoriji partikolari. Xhieda ta’ dan huwa t-theddid anki bil-mewt li qed isir kontra esponenti politiċi, opinjonisti, rappreżentanti ta’ għaqdiet u individwi kwalunkwe. L-għaqda nazzjonali lanqas ma tfisser li jekk titkellem fuq abbużi serji, xi drabi minn dawk li suppost jagħtu l-eżempju, tkun ittimbrat traditur tal-pajjiż.
Xi minn daqqiet tieħu l-impressjoni li flok Facebook tkun qed taqra Der Stürmer – rivista ta’ propaganda tal-Ġermanja Nażista. Dan l-atteġjament qed iseħħ minkejja li dan hu reat kriminali u t-twaqqif ta’ sezzjoni kontra l-hate speech. Jidher ċar li dawn mhux qed ikunu ta’ deterrent.
L-għaqda nazzjonali tfisser ukoll li ħadd ma jħossu jaqa’ lura għax ma jkunx qed igawdi minn livell ta’ għixien aċċettabbli. Dan ifisser li l-ġlieda kontra l-faqar u favur garanziji biex ikun żgurat li jkun hawn xogħol li joffri dinjità u kundizzjonijiet tajba għandhom jingħataw prominenza wkoll. L-istorja turi li kurrenti estremisti dejjem sabu art fertili meta l-qagħda soċjali u ekonomika ma tkunx tajba.
Għalhekk qabel ma nibdew niddiskutu jekk għandux ikun hemm il-George Cross fuq il-bandiera Maltija jew jekk ir-reliġjon uffiċjali għandhiex tibqa’ dik Kattolika, hu fundamentali li nħarsu l-ewwel lejn valuri universali – it-tolleranza, il-libertà tal-espressjoni, il-ħajja mit-tnissil sal-mewt naturali, is-saħħa, il-ġustizzja, il-merikorazija, id-dritt tax-xogħol u l-edukazzjoni. Bħala soċjetà, bħala poplu, bħala gvern kif qed nipprattikaw dawn il-valuri?
L-għaqda nazzjonali ma tasalx għaliha billi tippunta subgħajk lejn xi ħadd. Is-suċċess ta’ din il-konferenza se jitkejjel fuq kemm se tkun xprun biex id-diskors li se jintqal jissarraf f’miżuri konkreti biex kull ċittadini Malti mhux biss iħossu kburi iżda jħossu verament parti integrali minn nazzjon wieħed.