L-għalliema jixirqilhom aħjar
Jekk għadek ma ndunajtx, il-professjoni tal-għalliema għaddejja minn kriżi. Diversi sfidi qed jolqtu lil dawk il-professjonisti li huma assenjati biex iħallu impatt pożittiv fuq ħajjet it-tfal kuljum – l-għalliema fl-iskejjel tagħna.
Fl-opinjoni tiegħi, l-edukazzjoni hija waħda mill-professjonijiet nobbli. Mingħajr l-edukazzjoni f’kull livell, il-professjonijiet l-oħrajn fil-ħajja ma jistgħux jeżistu. Kif jgħidu, l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta ta’ kollox f’ħajjitna. Allura dan ipoġġi lill-għalliema fuq quddiem biex isawru l-imħuħ ħalli joktru nies prattiċi, ħassieba, persuni kreattivi, mexxejja u imprendituri. Jekk qatt hemm professjoni li għandha tiġi rispettata bħal dik tat-tabib li ssalva l-ħajjiet, hija dik tal-għalliem.
Iżda sfortunatament, uħud mill-għalliema, irrispettivament jekk jaħdmux fl-iskejjel tal-istat, tal-Knisja jew tal-Privat, irrealizzaw li erba’ snin ta’ studji fl-Università u snin ta’ dedikazzjoni ma’ uliedna ma ssarrfux fir-rispett mistħoqq. Hemm min jgħidlek li spiċċa stressjat minħabba l-load tal-lezzjonijiet u oħrajn li ma felħux aktar jiffaċċjaw studenti arroganti fil-klassi. Issib għalliema oħrajn li jgħidulek li s-salarju mhux adekwat u meta jaraw xogħolijiet ġodda li joffru kundizzjonijiet aħjar u salarji ddoppju minn dak li jaqilgħu, qed jitilqu l-professjoni.
Bħalissa f’pajjiżna hawn atmosfera xejn pjaċevoli fost l-għalliema. Il-Gvern, fil-ġimgħat li għaddew, kien qal li n-numru ta’ għalliema naqas u kien qed isibha diffiċli biex iżid in-numru ta’ għalliema fl-iskejjel, tant, li kien qed jikkunsidra l-ingaġġ ta’ għalliema barranin.
Il-Gvern aħjar jara x’jagħmel biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-għalliema preżenti għax inkella l-kriżi tiżviluppa f’katastrofi. Jeħtieġ li s-salarji tal-għalliema jiżdiedu ħalli jagħmlu ġustizzja għax-xogħol imprezzabbli li jwettqu ma’ uliedna. Barra minn hekk għandu jkun hemm iżjed ugwaljanza fi ħdan is-settur innifsu. L-edukaturi fil-Junior College u fl-Università ta’ Malta għandhom salarju aħjar. Allura għaliex l-għalliema fl-iskejjel tal-Primarja u tas-Sekondarja m’għandux ikollhom salarju simili, meta wieħed jikkunsidra l-ammont ta’ xogħol li jkollhom?
L-edukaturi jipprovdu lis-soċjetà bil-ħiliet neċessarji, jippreparawna għall-karrieri tagħna u jdakkru fina l-valuri morali u demokratiċi. Għaldaqstant jixiriqilhom kull rispett mhux biss lejn il-professjoni vokazzjonali tagħhom, imma wkoll rispett lejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-dħul finanzjarju tagħhom.