L-Ewropa hija d-donatur ewlieni għall-iżvilupp
Fl-2018, l-UE u l-istati membri tagħha taw aktar minn €74.4 biljun biex jgħinu jeradikaw il-faqar u l-inugwaljanzi. Dan ifisser li l-Ewropa tat kważi 57 fil-mija tal-għajnuna barranija dinjija kollha – u bil-bosta, l-aktar għajnuna madwar id-dinja. Għall-kuntrarju, it-tieni l-akbar donatur dinji, l-Istati Uniti, ikkontribwixxiet 22 fil-mija.
Din l-għajnuna finanzjarja tingħata permezz tal-politika tal-iżvilupp tal-UE, li hi aspett kruċjali tal-politika barranija. Tirristruttura l-mod kif l-UE tikkoopera ma’ pajjiżi oħrajn, u hu mod strateġiku kif il-valuri tal-Ewropa jkunu promossi globalment.
Tipikament, l-għajnuna tingħata lil pajjiżi li qed jiżviluppaw biex isaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u ġudizzjarji, iżżid l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, issaħħaħ ix-xogħol, u tippromwovi l-valuri bħall-ugwaljanza bejn is-sessi. L-UE ukoll tagħti għajnuna umanitarja f’każi ta’ gwerra, ġuħ u diżastri naturali.
Filwaqt li din l-għajnuna tindirizza l-ħtiġiet ta’ pajjiżi oħrajn, tindirizza wkoll il-prijoritajiet politiċi, ambjentali u dawk tas-sigurtà. Bħala eżempju, fl-2015, l-EU Emergency Trust Fund għall-Afrika kienet maħluqa, sabiex ikunu trattati l-kawżi tal-instabbiltà, il-migrazzjoni irregolari u ċ-ċaqliq sfurzat. Sa tmiem l-2018, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-istati membri Ewropej u donaturi oħrajn s’issa allokaw €4.1 biljun lit-Trust Fund.
Minħabba l-politika tagħha tal-iżvilupp, l-UE tista’ tippożizzjona lilha nnifisha bħala attur dinji li jiddefendi d-drittijiet u l-libertajiet universali. B’riżultat ta’ dan miljuni ta’ persuni jingħataw opportunitajiet għal ħajja aħjar. Madankollu, aħna bħala ċittadini Ewropej ukoll nibbenefikaw. Huwa fl-interess tagħna li ngħinu pajjiżi biex jiżviluppaw b’mod sostenibbli, mhux biss għax hu l-aħjar ħaġa li għandha ssir, imma wkoll għax irridu lill-pajjiżi kollha jkunu kapaċi li demokratikament jipparteċipaw billi jindirizzaw kriżijiet dinjija bħall-bidla fil-klima, il-prevenzjoni tal-gwerer u l-eradikazzjoni tal-faqar.