L-Ewro Parlamentari jappoġġjaw pjani sabiex ir-riċiklaġġ jissaħħaħ u jitnaqqsu l-miżbliet
L-Iskart u l-Ippakkeġġjar ta’ l-Iskart
Sal-2025, ta’ l-inqas 55 fil-mija tal-iskart domestiku (mid-djar u min-negozji) għandhom ikunu riċiklati. Il-mira se tiżdied b’60 fil-mija sal-2030 u b’65 fil-mija sal-2035. 65 fil-mija tal-materjali għall-ippakkeġġjar iridu jkunu riċiklati sal-2025, u b’70 fil-mija sal-2030. Miri separati huma msejsa għal materjali tal-ippakkeġġjar, bħalma huma l-karta u l-kartun, il-plastik, il-ħġieġ, il-metall u l-injam.
L-istati membri għandhom jistinkaw sabiex jassiguraw li sal-2030, l-iskart kollu addattat għar-riċiklaġġ ma jkunx aċċettat f’miżbla. L-abbozz ta’ liġi wkoll jillimita s-sehem ta’ skart domestiku milli jitqiegħed f’miżbla għal massimu ta’ 10 fil-mija sal-2035.
“Wara negozjati twal mal-Kunsill, irnexxielna niksbu riżultat eċċellenti li jniedi pedamenti ġodda għal żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli Ewropew. L-istati membri se jkunu obbligati li jsegwu miżuri ċari u komuni dwar iċ-ċiklu ta’ materjali prima u r-rimi ta’ l-iskart”, qalet l-Ewro Parlamentari Simona Bonafe’.
“Il-pakkett, li hu pari passu mal-objettivi dwar l-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, ukoll inaqqas l-iskart mill-ikel b’50 fil-mija u jimmira għal-limitu minimu ta’ 65 fil-mija tar-riċiklaġġ mill-istati membri kollha. Battalja li tagħmel l-ekonomija tal-Kontinent l-Antik waħda mil-aktar etiċi fid-dinja”, żiedet Bonafe’.
Il-passi li jmiss
Il-Kamra sħiħa se tkun qed tivvota matul is-sessjoni plenarja ta’ bejn is-16 u t-18 ta’ April fi Strasburgu. L-abbozz diġa’ ġie maqbul informalment mill-Kunsill tal-Ministri.