L-Ewro Parlamentari jappellaw lil Kummissarju biex iħares id-drittijiet tal-passiġġieri u l-ħaddiema
Wara li tħassru eluf ta’ titjiriet minn Ryanair, diversi Ewro Parlamentari esprimew ir-rabja tagħhom dwar id-diffikultajiet li qed iħabbtu wiċċhom il-passiġġieri.
F’dibattitu mal-Kummissarju għat-Trasport Violeta Bulc, diversi Ewro Parlamentari rrimarkaw li l-passiġġieri ma rċivewx tagħrif sħiħ dwar il-kumpens u l-firxa wiesgħa ta’ għażliet f’rotot oħrajn li huma disponibbli għalihom. “Il-kumpaniji responsabbli għall-ksur tar-regolamenti għandhom ikunu kontabbli,” żiedu l-ewro parlamentari, b’uħud isejħu għal sanzjonijiet aktar effettivi biex jidħlu fis-seħħ.
“Is-suq tal-avjazzjoni ewlieni għandu ħafna benefiċċji iżda wkoll diversi obbligi. Għalhekk nistennew lil-linji tal-ajru kollha li jaħdmu fl-UE sabiex jirrispettaw ir-regolamenti Ewropej b’mod sħiħ,”qalet il-Kummissarju Bulc.
Diversi Ewro Parlamentari ħeġġew lill-Kunsill sabiex jerġa’ jiftaħ id-diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni tar-regolamenti fuq id-drittijiet tal-passiġġieri u jibdew in-negozjati mal-Parlament, li l-pożizzjoni tiegħu ilha mqiegħda fuq il-mejda tal-Kamra sa mill-2014.
Uħud mill-membri wkoll enfasizzaw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq l-ajruplani low-cost għandhom ikunu investigati mill-Kummissjoni. Il-kompetittivita’ m’għandhiex isseħħ b’detriment fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena wkoll jistgħu jkunu kwistjoni marbuta mas-sigurta’,” qalu l-Ewro Parlamentari.
Il-Kummissarju Bulc wiegħdet li tniedi studju s-sena d-dieħla dwar il-kundizzjonijiet soċjali u d-drittijiet mobbli tal-ħaddiema fl-avjazzjoni.