L-effett tal-Brexit: il-maġġoranza tal-poplu Malti tivvota li tibqa’ fl-UE
L-aħħar studju tal-Eurobarometer, li jkejjel l-attitudnijiet tal-pubbliku lejn l-UE madwar ir-reġjun, jisħaq li aktar persuni minn qatt qabel jikkunsidraw is-sħubija ta’ pajjiżhom fl-Unjoni Ewropea bħala xi ħaġa tajba (62 fil-mija). Din hi l-ogħla ċifra li qatt ġiet rekordjata f’dawn l-aħħar 25 sena. Il-Maltin huma 69 fil-mija pożittivi.
68 fil-mija huma tal-fehma li pajjiżhom ibbenefika mis-sħubija fl-UE – l-ogħla ċifra mill-1983. Malta hi t-tieni wara l-Irlanda b’91 fil-mija jemmnu li l-pajjiż ibbenefika. Kważi r-riżultati kollha li kejlu l-appoġġ għall-UE urew bidla sinifikattiva wara r-referendum fir-Renju Unit fl-2016 li ssuġġerixxa tħassib dejjem jikber madwar il-kontinent tal-impatt li l-Brexit se jkollu u għarfien dejjem jikber, minħabba n-negozjati diffiċli, tal-benefiċċji li wieħed ikun membru tal-UE.
66 fil-mija ta’dawk l-Ewropej li wieġbu kieku jivvotaw għal pajjiżhom biex jibqa’ membru tal-UE (maġġoranza fl-istati membri kollha) u 17 fil-mija biss jikkontemplaw li jitilqu, bi 17 fil-mija huma indeċiżi. 65 fil-mija tal-Maltin kieku jivvotaw biex jibqgħu fl-UE.
L-aħħar ċifri tal-Eurobarometer ukoll juru sens dejjem jikber ta’ sodisfazzjon fost l-Ewropej fil-funzjonar demokratiku tal-UE (49 fil-mija), li jirrappreżenta żieda ta’ tliet punti perċentwali mill-aħħar studju f’April filwaqt li 48 fil-mija jħossu li l-vuċi tagħhom issarraf fl-UE, għalkemm dan l-aħħar sentiment jidher li qed jinqos f’numru ta’ pajjiżi. Għall-kuntrarju, il-maġġoranza tal-Maltin, 51 fil-mija, tħoss li l-vuċi tagħhom tissarraf fl-UE, żieda ta’ żewġ punti perċentwali minn April li għadda.
L-istudju Parlemeter 2018, madankollu, ma jawgurax aħbarijiet tajbin. Minkejja appoġġ dejjem jikber u sinifikattiv għall-UE b’mod ġenerali, nofs dawk li wieġbu mhumiex kuntenti bid-direzzjoni li l-UE għaddejja minnha, b’riżultat simili rigward pajjiżhom. Il-maġġoranza tal-Maltin għadha sodisfatta bil-mod kif id-demokrazija taħdem fl-UE, imma dan il-perċentwal niżel bi tmien punti.
L-opinjoni pubblika wkoll tidher kemmxejn stabbli f’termini ta’ aspettattivi dwar ir-rwol tal-UE fil-futur bi 48 fil-mija jridu lill-UE jkollha rwol iżjed importanti kontra s-27 fil-mija ta’ dawk li jippreferu inqas. Dwar id-dehra tal-Parlament madwar l-UE, terz (32 fil-mija) għandhom opinjoni pożittiva, wieħed minn kull ħamsa (21 fil-mija) għandhom opinjoni negattiva u l-maġġoranza relattiva (43 fil-mija) tibqa’ newtrali. 40 fil-mija tal-Maltin għandhom opinjoni pożittiva tal-Parlament Ewropew.
Hemm għarfien dejjem jikber dwar l-elezzjonijiet Ewropej tas-sena d-dieħla, b’41 fil-mija jidentifikaw b’mod korrett id-data ta’ Mejju 2019 – żieda ta’ disa’ punti perċentwali fuq studju simili sitt xhur ilu u seba’ punti aktar minn Ġunju 2013. Madankollu 44 fil-mija għadhom ma jafux meta se jsiru l-elezzjonijiet meta mqabbla ma’ 46 fil-mija f’Ġunju 2013. Il-Maltin juru aktar għarfien mill-medja bi 58 fil-mija diġa’ jafu meta se jsiru l-elezzjonijiet li jmiss.
B’51 fil-mija taċ-ċittadini jiddikjaraw li huma interessati fl-elezzjonijiet, il-prijoritajiet taċ-ċittadini inbidlu f’dawn l-aħħar sitt xhur. L-immigrazzjoni issa tinsab fil-quċċata tal-aġenda (50 fil-mija) segwita bl-ekonomija (47 fil-mija) u l-qgħad fost iż-żgħażagħ (47 fil-mija), filwaqt li l-ġlieda kontra t-terroriżmu niżlet fir-raba’ post b’44 fil-mija. L-ogħla prijorita’ għall-Maltin għall-elezzjonijiet Ewropej li jmiss tibqa’ l-immigrazzjoni. 76 fil-mija qalu li din hi l-akbar tħassib tagħhom, żieda ta’ 11-il punt perċentwali minn April.