L-Edukazzjoni Għolja qed tħejji lin-nies għax-xogħol?
Spiss nisimgħu b’min iħaddem jilmenta dwar il-qabża li teżisti bejn dak li l-istudenti jitgħallmu fl-MCAST jew fl-Università, u dak li hu mistenni mill-istess studenti sabiex ikunu lesti għas-suq tax-xogħol. Dan huwa partikularment allarmanti fid-dawl tan-numru dejjem jiżdied ta’ gradwati li qed joħorġu mill-istituzzjonijiet vokazzjonali u terzjarji.
Jekk wieħed ikollu jagħżel bejn kandidat b’lawrija universitarja u kandidat b’livell għoli ta’ intelliġenza, jippretendi li dan tal-aħħar imur aħjar minn tal-ewwel f’diversi mpjiegi, partikularment meta dawk l-impjiegi jeħtieġu ċertu ħsieb u tagħlim kontinwu. Ir-riżultati akkademiċi huma indikazzjoni ta’ kemm studja l-kandidat, imma l-prestazzjoni tiegħu fuq test dwar l-intelliġenza tirrifletti l-abbiltà tal-kandidat biex jitgħallem, jirraġuna u jaħseb b’mod loġiku.
L-università tista’ iżżid b’mod sostanzjali l-valur ta’ lawrija universitarja billi talloka aktar ħin biex tgħallem lill-istudenti fil-ħiliet li huma kritiċi għall-ħajja tal-lum. Dawk li jirreklutaw lill-ħaddiema u min iħaddem x’aktarx li ma jkunux impressjonati b’kandidati li jkunu qed ifittxu x-xogħol sakemm ma jurux ċertu livell ta’ ħiliet biex jagħmluha man-nies. Din hija forsi waħda mid-differenzi kbar bejn dak li tfittex l-università jew min iħaddem fl-applikanti.
Filwaqt li min iħaddem irid nies li juru empatija u integrata, dawn il-kwalitajiet rari jew qatt ma jkunu mfittxija mill-MCAST jew mill-Università meta jiġu biex jaċċettaw l-applikazzjonijiet għad-dħul fl-istituzzjonijiet tagħhom. Hekk kif l-impatt tal-intelliġenza artifiċjali qed jikber, kandidati prospettivi għax-xogħol li jistgħu jwettqu dmirijiet li l-makni ma jistgħux jagħmlu, qed ikunu ferm prezzjużi. Dan iwassalna għall-importanza li llum qed tingħata lis-soft skills, li huma diffiċli għall-makni biex japplikaw. Fi studju li sar fost madwar 200 employer, aktar minn 50 fil-mija tal-organizzazzjonijiet elenkaw is-soluzzjoni tal-problemi, il-kollaborazzjoni, is-servizz lill-klijent u l-komunikazzjoni bħala l-aktar ħiliet stmati.
Barra minn hekk, l-università u l-istituzzjonijiet vokazzjonali għadhom biċ-ċans li jtejbu r-rilevanza tagħhom billi jimlew il-vojt fit-tagħlim lil diversi managers meta dawn jiġu promossi f’rwol ta’ tmexxija. Illum, ċertu persuni qed jingħataw pożizzjonijiet ta’ tmexxija malajr mingħajr m’għandhom taħriġ formali fit-tmexxija nnifisha. Imma jekk aktar istituzzjonijiet jinvestu fit-tagħlim ta’ ħiliet ta’ kif wieħed imexxi tim, il-postijiet tax-xogħol ikollhom l-akbar numru ta’ kandidati b’potenzjal ta’ tmexxija.
Bħala konklużjoni, jien naħseb li s-suq tax-xogħol irid jiddiversifika. Aktar u aktar studenti qed jispiċċaw imorru l-università jew l-MCAST u l-għan prinċipali tagħhom huwa wieħed prattiku: li jsaħħu l-impjegabbiltà tagħhom u jkunu kontributuri utli għall-ekonomija. Anki jekk il-valur marbut ma’ lawrija universitarja huwa ta’ benefiċċju għal dawk li jiksbuha, il-postijiet tax-xogħol jistgħu jgħinu jbiddlu n-narrattiva billi jenfasizzaw inqas fl-edukazzjoni għolja bħala miżura ta’ kompetenza intellettwali u potenzjal għax-xogħol, u minflok, jimpjegaw ħaddiema b’aktar moħħ miftuħ.