L-Awtorità tal-Artijiet mhux f’pożizzjoni li tkun taf eżattament l-assi li għandha
Entità Statali mwaqqfa speċifikament biex tieħu ħsieb il-propjetajiet tal-gvern stess mhux f’pożizzzjoni li telenka l-portafoll kollu ta’ assi fil-pussess tagħha fid-dawl ta’ database diġitali mhux kompluta. Konsegwentement, il-potenzjal ta’ dawn il-proprjetajiet vojta – li wħud minnhom spiċċaw dilapidati – mhux qed jiġi sfruttat filwaqt li entitajiet tal-gvern li qed ifittxu bini ġdid qed jirrikorru għall-għażla qawwija ta’ kirjiet kummerċjali.
Din ix-xejra inkwetanti ħarġet minn investigazzjoni mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika dwar l-operat tal-Awtorità tal-Artijiet. Bil-liġi din l-awtorità trid tiżgura l-aħjar użu tal-art tal-gvern, tipprovdi sistema ta’ tmexxija effettiva u affidabbli tal-artijiet u tippermetti l-użu sħiħ tal-art u l-informazzjoni dwar il-bini biex dawn ikunu amministrati bl-aħjar mod.
Fl-investigazzjoni tiegħu l-Uffiċċju sab li d-database diġitali tal-awtorità (LEMIS) kien fiha informazzjoni mhux kompluta u skaduta filwaqt li ma kien hemm l-ebda proċeduri dwar talbiet minn entitajiet governattivi għal proprjetajiet vakanti. Ostaklu ewlieni kien il-fatt li r-rikonċiljazzjoni bejn il-fajls fiżiċi u dawk diġitali baqgħet pendenti, li jfisser li mhux l-informazzjoni kollha kienet iddaħħlet fis-sistema. Skont l-Awtorità tal-Artijiet id-database fiha madwar 80% tal-propjetajiet vakanti kollha tal-gvern li jammontaw għal madwar 4,100 proprjetà.
Minbarra dawn in-nuqqasjiiet fid-database diġitali, irriżulta wkoll li l-informazzjoni li kienet faċilment aċċessibbli ma kinitx kompletament affidabbli. Pereżempju, LEMIS inkludiet kategori b’rabta mal-footprint, kif ukoll l-ispazju totali li jista’ jintuża taż proprjetajiet, iżda tali informazzjoni ma tniżżlitx. Barra minn hekk, karatteristiċi oħra bħal-livell ta’ aċċessibbiltà xi drabi mhux elenkati filwaqt li l-post fejn jinsabu ċ-ċwievet tal-proprjetà jista’ wkoll joħloq sfida. L-Uffiċċju irrimarka wkoll li l-istatus attwali tal-proprjetà jista’ jvarja b’mod sinifikanti minn dak li jkun imniżżel sal-punt li dar tista’ fir-realtà tkun blokka appartamenti.
F’dan il-kuntest, tqajjem tħassib li l-Awtorità adottat approċċ pjuttost difettista peress li sostniet li m’għandhiex ir-riżorsi biex twettaq spezzjoni fiżika tal-proprjetajiet kollha. Madankollu, anki jekk tali kompitu jitwettaq l-eżerċizzju jkun għalxejn peress li l-istatus ta’ dawn il-proprjetajiet jerġa’ jinbidel saż-żmien li jitlestew l-ispezzjonijiet.
Evidenza tal-problemi li qed tiltaqa’ magħhom l-Awtorità biex twettaq il-funzjonijiet tagħha ħarġu mill-fatt li minn 20 talba li waslu, tnejn biss irriżultaw fi proprjetajiet speċifiċi li jaqblu ma’ ħafna mill-ispeċifikazzjonijiet miltuba. Madankollu, dawn xorta ġew rifjutati minħabba x-xogħlijiet estensivi ta’ ristrutturar meħtieġa. F’dan ir-rigward l-Awtorità insistiet li ħafna mill-propjetajiet vojta fil-pussess tagħha kienu fi stat dilapidat. Min-naħa l-oħra, irrimarka li t-talbiet li rċeviet ħafna drabi kienu wisq elaborati biex jissodisfaw peress li kienu jinkludu karatteristiċi bħall-parkeġġ fuq il-post, spazju eċċessiv fuq l-art u post ċentrali. Intant, il-baġit annwali ta’ madwar €500,000 għar-rranġament tal-istokk ta’ propjetajiet vojta kien meqjus bħala qatra fl-oċean u biżżejjed biss biex isiru xogħlijiet ta’ tiswija urġenti.
Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu l-NAO sejjaħ għat-titjib tad-database eżistenti tal-Awtorità tal-Artijiet u li din tkun tinkludi l-kundizzjoni strutturali u d-dettalji tas-sidien tal-proprjetà. Database aġġornata f’ħin reali bil-lista sħiħa tal-proprjetajiet tal-gvern hi kruċjali biex ikun hemm allokazzjoni effettiva tar-riżorsi, għal governanza tajba, l-Uffiċċju sostna. Madankollu, dan ikun jeħtieġ li jiġu allokati r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa,.