Is-serq ta’ vetturi fil-Gżejjer Maltin qed jiżdied bit-total ta’ karozzi misruqa kważi jirdoppja f’sentejn biss. Ħafna minn dawn is-serqiet seħħew fir-reġjun tal-port u nstabu inqas minn nofshom.

Dettalji dwar it-tip speċifiku ta’ reat ġew żvelati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fir-rapport dwar it-trasport li jkopri l-2022. Jirriżulta li matul dik is-sena, insterqu total ta’ 309 vettura li minnhom 134 instabu. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, is-serq involva karozzi tal-passiġġieri li kienu jammontaw għal 164, segwiti minn muturi, quad bikes u ATVs (110) u vetturi kummerċjali (35).

Minn perspettiva ġeografika, ir-reġjuni l-aktar suxxettibbli għal dan it-tip ta’ kriminalità kienu dawk li huma l-aktar popolati jiġifieri z-zoni tat-tramuntana u tan-nofsinhar tal-port. Fir-reġjun tat-tramuntana tal-port li jinkorpora l-Ħamrun, il-Pietà, Santa Venera, Birkirkara, Ħal Qormi, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Gżira, Ta’ Xbiex u San Ġwann, insterqu 108 vetturi. Madankollu, meta analizzati skont il-lokalità, l-ikbar ammont ta’ serq ta’ vetturi kien f’San Pawl il-Baħar b’29, segwit minn Raħal Ġdid (19), Ħal Qormi (16), Birkirkara u l-Gżira (14 kull wieħed).

L-aktar lokalitajiet fejn ma kienx hemm serq ta’ karozzi kienu f’Għawdex u fid-distrett tal-punent (Dingli, Ħal Balzan, Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħaż-Żebbuġ, l-Iklin, l-Imdina, l-Imtarfa, ir-Rabat, is-Siġġiewi) li rrappurtaw l-inqas numru ta’ vetturi misruqa bi 13 kull wieħed.

Skont l-NSO l-agħar xhur f’termini ta’ riskju ta’ serq tal-karozzi kienu Diċembru (53) filwaqt li l-inqas serq seħħ fi Frar (10).

Jidher li hemm relazzjoni bejn iż-żieda fil-popolazzjoni u ż-żieda fis-serq tal-karozzi. Fl-2020, ġew irrappurtati 172 serqa ta’ vetturi li minnhom 85 instabu. Minħabba li n-numru totali ta’ vetturi f’dik is-sena kien ta’ 402,427, ir-rata ta’ serq kienet ta’ 0.043% għal kull vettura filwaqt li r-rata ta’ karozzi misjuba fost dawk misruqa kienet ta’ 49.4%.

Fl-2021, in-numru ta’ karozzi misruqa tela’ għal 243 li kienu jammontaw għal 0.059% tal-flotta kollha, bir-rata  ta’  dawk misjuba tinżel għal 38.9%.

Fl-2022, reġa’ kien hemm żieda għax is-serqiet telgħu għal 309 li kienu jammontaw għal 0.073% filwaqt li misjuba kienu 43.4%

Għalkemm in-numru ta’ serq ta’ vetturi  għadu marġinali, iż-żieda xorta tista’  tkun ta’ tħassib speċjalment għal dawk li jgħixu f’dawk il-lokalitàjiet li huma magħrufa  għal tali reati.