L-akbar żieda fl-inċidenti tat-traffiku kienet f’Għawdex
Għawdex irreġistra l-akbar żieda fl-inċidenti tat-traffiku fit-tieni kwart tal-2022 b’żieda ta’ 33% f’sena biss. Ix-xejra tista’ tkun indikatur ieħor li Għawdex jinsab f’riskju li jitlef is-seħer uniku bħala post għall-kwiet u ta’ mistrieħ. It-tħassib dwar il-futur ta’ Għawdex qed jitqajjem b’mod speċjali fid-dawl tal-iżvilupp mgħaġġel li l-kritiċi jgħidu li qed ibiddel il-gżira f’estensjoni ta’ Malta. Tħassib bħal dan reċentement kien espress mill-eks Prim Ministru Alfred Sant u mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu t’Għawdex.
Iż-żieda qawwija fl-inċidenti tat-traffiku f’Għawdex ħarġet minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għall-perjodu bejn April u Ġunju ta’ din is-sena. Filwaqt li fir-reġjuni kollha kien hemm żieda fl-inċidenti tat-traffiku din kienet l-akbar f’Għawdex fejn matul dan il-perjodu l-inċidenti żdiedu minn 213 għal 283 li jfisser żieda ta’ 33%. Fl-istess żmien iż-żieda mal-pajjiż kollu kienet kważi n-nofs, fil-livell ta’ 18% bit-tieni l-akbar żieda tkun reġistrata fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Analiżi aktar profonda tal-istatistika tiżvela li fejn jidħlu inċidenti serji li jinvolvu partijiet midruba, iż-żieda f’Għawdex kienet saħansitra ogħla bin-numru ta’ każijiet kważi rdoppja minn 26 għal 51. Min naħa l-oħra iż-żieda medja fuq livell nazzjonali ta’ inċidenti li fihom kien hemm min weġġa kienet ta’ 6.3% biss.
Fuq livell nazzjonali l-akbar numru ta’ inċidenti tat-traffiku f’Malta u Għawdex kien jinvolvi karozzi tal-passiġġieri (57.6%), segwiti minn muturi (34.5%) u vetturi li jġorru l-merkanzija (4.6%). Fit-tieni kwarti ta’ din is-sena kien hemm sitt imwiet meta mqabbla ma’ waħda biss fl-istess żmien tal-2021. Dawn kienu jinkludu żewġ sewwieqa li laqtu vettura oħra, sewwieq li ħabat fi proprjetà u tliet passiġġieri f’karozza li kienu milquta minn vettura. ċ-ċiklisti involuti f’inċidenti tat-traffiku ammontaw għal 11 u kollha sofrew ġrieħi ħfief. L-inċidenti fit-toroq li jirriżultaw minn ħabtiet bejn il-vetturi kienu fuq quddiem tal-lista b’76.5 %.
L-ogħla numru ta’ inċidenti tat-traffiku fejn kien hemm min weġġa seħħ fil-jum tat-Tlieta bi 80 każ, filwaqt li l-ogħla numru ta’ inċidenti tat-traffiku seħħew nhar ta’ Tnejn b’687 każ jew 16.2 % tat-total. Il-biċċa l-kbira tal-inċidenti tat-traffiku seħħew bejn it-3pm u l-5pm b’938 każ jew 22.1% tat-total u id-9am u nofsinhar b’915 każ. L-inqas numru ta’ inċidenti seħħew bejn it-3am u 6am b’71 każ.
L-ikbar numru ta’ inċidenti tat-traffiku seħħew f’Birkirkara b’294 każ, segwit minn San Pawl il-Baħar u Ħal Qormi, b’218 u 206 każi rispettivament. Żewġ lokalitajiet irreġistraw inqas minn ħames inċidenti tat-traffiku. Dawn huma Santa Luċija u San Lawrenz.