Fil-proposti tal-Baġit il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija qed tipproponi li ħaddiema li għandhom xi forma ta’ żieda fil-paga, m’għandhomx jirċievu ż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja (COLA). Din il-proposta qed tkun ibbażata fuq l-argument li dawn il-ħaddiema kienu diġà ħadu xi forma ta’ kumpens u biex ikun evitat “ċirku vizzjuż ta’ inflazzjoni ikkawżata bl-ispiża tal-pagi”.

Il-UHM Voice of the Workers ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ fuq diversi punti. L-ewwel nett, ta’ min jinnota li l-mekkaniżmu tal-COLA huwa r-riżultat ta’ ftehim li kien intlaħaq mill-imsieħba soċjali kollha, inkluż min iħaddem, fl-10 ta’ Diċembru 1990. Għalkemm wieħed jista’ jargumenta li dan il-ftehim għandu jiġi rivedut,  fin-nuqqas ta’ tentattiv ġenwin biex jittieħed tali pass, il-ftehim li sar 32 sena ilu għadu fis-seħħ.

Dan  jgħid ċar u tond li l-COLA dejjem trid titħallas kollha, irrispettivament minn jekk impjegat huwiex kopert minn ftehim kollettiv jew le.

Ta’ min jinnota wkoll li dan il-ftehim jgħid li kull tliet snin, l-imsieħba soċjali għandhom jiġu nnotifikati bil-previżjonijiet dwar kemm se tkun il-COLA fis-snin li ġejjin. Klawżola bħal din kienet maħsuba biex tevita xokkijiet meta jkunu qed jiġu negozjati ftehimiet kollettivi li jkunu jinkludu ż-żieda tal-COLA għax dawn ikopru snin bil-quddiem. Għal xi raġuni, madankollu, din il-klawżola ma ġietx imħaddma.

Din il-konsiderazzjoni hija kruċjali f’dawk iċ-ċirkostanzi fejn l-unions jinnegozjaw ftehim kollettiv li jinkorpora żidiet fil-pagi li jinkludu l-COLA. Din l-istrateġija tittieħed peress li toffri akbar stabbiltà lil min iħaddem għax ikun f’pożizzjoni li jippjana bil-quddiem għall-baġit. Għalhekk, ftehimiet ta’ dan it-tip ma jiġux negozjati bl-addoċċ iżda huma bbażati fuq il-valur medju tal-COLA fl-aħħar għaxar snin li normalment ikun bejn €2 sa €2.25. Hu propju għal din ir-raġuni li żieda fil-COLA ta’ €10 hi ċirkustanza eċċezzjonali, u hu għalhekk li l-UHM ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ li trid li naħdmu daqs li kieku kien xenarju bħal tas-soltu.  Assolutament mhux il-kas! L-għoli tal-ħajja speċjalment fuq oġġetti essenzjali bħal ikel u prodotti ta’ manutenzjoni tad-dar qed jiżdied b’rati spettakolari xahar wara xahar. Ħadd ma jaf eżatt meta din ir-rankatura ’l fuq se tikkalma, iżda l-effetti tagħha diġà qed ikollhom impatt devastanti fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna.

Fil-mument li l-missjoni tagħna ssir waħda li tfixkel il-mekkaniżmu COLA milli jilħaq l-għan tiegħu li jtaffi l-għoli tal-ħajja, inkunu qed nonqsu milli nħarsu l-ħaddiema u nżidu l-piżijiet finanzjarji għall-familji. Min-naħa tiegħu, dan ikollu impatt negattiv fuq il-livelli tal-konsum, ikompli jiekol mis-saħħa tal-pagi u possibbilment jistagħġna l-ekonomija jekk mhux iwassal għal reċessjoni. Huwa għalhekk li l-UHM se tiġġieled bil-qawwa kollha biex iżżomm mal-ftehim tal-1990 u fejn ikun possibbli jitjieb.