Fl-2021 inħarġu kważi 900 kontravenzjoni tat-traffiku, l-aktar dwar ipparkjar, ksur tal-marki tal-karreġġjati u użu illegali ta’ korsiji ta’ prijorità. Iċ-ċifra, li hi żieda sinifikanti fuq l-2020, teskludi multi mill-ispeed cameras li fl-2021 qabżu l-45,000.

Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, juru li madwar żewġ terzi taċ-ċitazzjonijiet inħarġu minn gwardjani lokali, segwiti mill-pulizija u l-kumplament minn uffiċjali tal-infurzar ta’ Transport Malta.

Fl-2021, il-gwardjani ħarġu medja ta’ 631 ċitazzjoni kuljum għal total annwali ta’ 230,360 li jikkorrispondi għal żieda ta’ 43.8% fuq is-sena ta’ qabel.

Fl-istess żmien il-pulizija ħarġet medja ta’ 237 ċitazzjoni kuljum li tfisser żieda qawwija ta’ 102.7% (id-doppju) fuq l-2020.

Madankollu, din it-tendenza ma ġietx osservata fl-analiżi għall-kontravenzjonijiet maħruġa mill-uffiċjali ta’ Transport Malta fejn it-total annwali naqas b’26.3% meta mqabbel mal-2020, għal medja ta’ 29 ċitazzjoni kuljum.

San Ġiljan u San Pawl il-Baħar fuq quddiem tal-lista

Fl-2021 b’kollox inħarġu 327,633 ċitazzjoni li minnhom 230,360 inħarġu minn gwardjani lokali, 86,677 mill-pulizija u 10,596 minn Transport Malta. L-akbar ammont kien fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port – 126,155 jew 38.5% tat-total. San Ġiljan irreġistra l-akbar numru ta’ kontravenzjonijiet li nħarġu mill-pulizija, filwaqt li San Pawl il-Baħar irreġistra l-akbar numru ta’ kontravenzjonijiet maħruġa minn gwardjani lokali b’7,919 u 19,729 rispettivament. Transport Malta ħarġet l-aktar kontravenzjonijiet f’San Pawl il-Baħar b’total ta’ 1,331.

L-aktar kontravenzjonijiet komuni

Fl-2021, l-ogħla numru ta’ kontravenzjonijiet maħruġa mill-pulizija kienu għal ‘Parkeġġ/waqfien illegali/mhux awtorizzat’ li ammontaw għal 24,708, jew 28.5% tat-total. Il-gwardjani ħarġu l-aktar kontravenzjonijiet għal ‘ksur tal-marki tal-karreġġjati u użu illegali ta’ korsiji ta’ prijorità’ b’70,146 ċitazzjoni, filwaqt li Transport Malta ħarġet l-akbar numru ta’ kontravenzjonijiet għal irregolaritajiet li għandhom x’jaqsmu mal-liċenzja tal-karozza bi 3,164 kontravvenzjoni.

Ċitazzjonijiet bl-ispeed cameras

Iċ-ċitazzjonijiet bl-ispeed cameras ammontaw għal 45,504, li minnhom 38,552 jew 84.7% tat-total kienu fil-kategorija sa mhux iktar minn 15-il kilometru fis-siegħa ’l fuq mil-limitu. Il-camera li qabdet l-aktar vetturi li jaqbżu l-veloċità kienet dik li tinsab fi Triq Dun Karm, Birkirkara, li ħarġet 8,435 kontravenzjoni. Bħala medja inħarġu 125 ċitazzjoni bl-ispeed cameras kuljum.

Twissijiet

Matul dan il-perijodu, in-numru ta’ twissijiet maħruġa laħaq id-9,355. Id-distrett tat-Tramuntana tal-Port irreġistra l-ogħla numru ta’ twissijiet, b’total ta’ 3,308 jew 35.4% tat-total. L-akbar numru ta’ twissijiet (6,567) ingħataw għal ‘liċenzja mhux imwaħħla’, segwit minn ‘vettura mhux tajba biex tintuża fit-triq’ b’1,839 twissija. San Pawl il-Baħar kien fuq quddiem tal-lista ta’ lokalitajiet b’687 twissija. Ħal Qormi u Tas-Sliema segwew b’549 u 504 twissija rispettivament.