Kważi 5,000 ilment dwar vultaġġ għoli/baxx mill-2022
L-Enemalta tgħid li 50% tal-każi ġew ‘solvuti’
Mil-bidu tas-sena li għaddiet saru kważi 5,000 ilment dwar varjazzjonijiet fil-vultaġġ madwar il-gżejjer Maltin li minnhom nofshom biss ġew “solvuti”. Tali varjazzjonijiet jista’ jkollhom konsegwenzi serji peress li jistgħu jirriżultaw fi ħsarat jew saħansitra il-qirda ta’ apparat elettroniku. Konsegwentement, il-konsumaturi jistgħu jagħżlu li jinstallaw surge protectors u voltage stabilisers ħdejn l-ismart meter biex jipproteġu d-dar kollha.
Informazzjoni li tqegħdet dan l-aħħar fil-parlament mill-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli bi tweġiba għall-mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg turi li mill-1 ta’ Jannar 2022, l-Enemalta rċeviet 1,540 rapport ta’ vultaġġ għoli u 3,258 rapport ta’ vultaġġ baxx. Dawn l-ilmenti jitressqu kull meta l-provvista tal-enerġija domestika li f’Malta hija ta’ 230V tvarja b’mod sinifikanti.
Għalkemm ma ntqalx jekk kienx hemm każi li fihom dawn il-varjazzjonijiet ikkawżaw danni, il-ministru rrimarkat li 38% tal-ilmenti mressqa fuq vultaġġ baxx kienu “solvuti”. Iċ-ċifra rispettiva għall-ilmenti dwar vultaġġ għoli kienet ta’ 77% tal-każijiet, li kkontribwiet għal rata globali ta’ 50%.
Barra minn hekk, il-ministru rrimarkat li l-Enemalta kienet għaddeja fuq proġett ta’ €90 miljun mifrux fuq sitt snin biex tindirizza din il-problema. S’issa nbnew 48 substation ġdida, ġew imsaħħa tliet ċentri ta’ distribuzzjoni, ġew installati 80 feeder ġdid u nbidlu 100 kilometru ta’ cables tal-elettriku.
Analiżi aktar profonda tal-informazzjoni turi li l-ogħla numru ta’ ilmenti fuq vultaġġ għoli tressqu minn residenti fil-Mellieħa b’96 każ, segwiti minn Ħal Qormi b’75. Fir-rigward tal-ilmenti dwar vultaġġ baxx, l-ogħla konċentrazzjoni ta’ każi kienet fil-Mosta b’179 każ, segwit minn Ħal Qormi (169).
L-Enemalta tistqarr fil-websajt tagħha li lmenti dwar varjazzjonijiet fil-vultaġġ ta’ aktar minn 10% għandhom jiġu rrappurtati lit-taqsima tal-customer care tagħha għal aktar investigazzjoni. Din m’għandhiex tieħu aktar minn 30 jum. Jekk ikun meħtieġ xi interventi, l-Enemalta timpenja ruħha li tieħu azzjoni fi żmien 30 jum wara l-konklużjoni tal-investigazzjonijiet. Madankollu, dan iż-żmien ma japplikax f’każ li jkunu jridu jsiru xogħlijiet estensivi fis-sistema tad-distribuzzjoni.
Klijenti li ma jkunux sodisfatti bl-eżitu ta’ tali investigazzjoni, jistgħu jfittxu rimedju quddiem bord konsultattiv li jista’ jagħti kumpens sa €3,500. Talbiet ogħla minn dan l-ammont iridu jittieħdu l-Qorti.