L-iżvilupp tal-ħiliet, b’mod partikolari l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja, huma essenzjali biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-ħaddiema biex jipparteċipaw bis-sħiħ f’xogħol deċenti u inklużjoni soċjo-ekonomika. Iż-żgħażagħ u l-ħaddiema fil-livelli kollha għandu jkollhom iċ-ċans li jiksbu ħiliet li jgħinuhom biex jiksbu impjieg, biex javvanzaw, u biex jiftħu orizzonti ġodda.

It-trejdjunjins jistgħu jappoġġaw b’mod effettiv il-ħolqien ta’ taħriġ ta’ kwalità u opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja. Fi swieq tax-xogħol li qed jinbidlu malajr, in-natura tal-impjiegi se tinbidel. L-innovazzjonijiet teknoloġiċi se jaffettwaw il-ħidma u l-ħiliet tal-biċċa l-kbira tal-impjiegi, jiġġeneraw xogħlijiet ġodda u jittrasformaw id-domanda għall-ħiliet tal-ħaddiema żgħażagħ u anzjani. L-aġġornament u t-titjib tal-ħiliet huwa essenzjali biex il-ħaddiema jibqgħu rilevanti u kwalifikati.

Il-kompetenzi professjonali għandhom rwol importanti għall-produttività u l-kompetittività. Il-ħiliet huma għalhekk fattur importanti għat-trejdjunjins meta jkunu qed jinnegozjaw kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar. Hemm evidenza soda li r-rieda tal-kumpaniji li jħarrġu u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-taħriġ tal-kumpaniji jiżdiedu mar-rata ta’ sħubija fl-unjins.

F’Malta ftit li xejn saru sforzi biex il-unjins jiġu involuti fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ tal-ħaddiema. Fil-fatt, sal-lum il-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet li ġie mġedded u ngħata setgħat eżekuttivi, ma jinkludix rappreżentanti mill-unjins, għalkemm min iħaddem huwa rappreżentat permezz tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija.

F’pajjiżi oħra t-trejdjunjins huma involuti b’mod attiv fi programmi ta’ taħriġ, iżda għal xi raġuni din il-prattika mhix qed tiġi segwita f’Malta. Il-UHM Voice of the Workers ilha s-snin tisħaq fuq il-kwistjoni f’diversi fora. Il-unjins jista’ jkollhom rwol importanti ħafna fid-dawl tal-fatt li jirrappreżentaw eluf ta’ ħaddiema f’diversi setturi. Il-fondi tal-UE jista’ jkollhom rwol importanti biex ikunu esplorati opportunitajiet bħal dawn

L-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema għandhom rwol ċar x’jaqdu – biex jiżguraw li l-ħaddiema u n-nies qiegħda jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi biex jiksbu impjieg, biex iżommu l-impjiegi u biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol. Min-naħa tiegħu, dan jikkontribwixxi biex titnaqqas l-inugwaljanza soċjali u ekonomika; il-bini ta’ forza tax-xogħol aktar inklużiva; u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-ħaddiema li jipparteċipaw bis-sħiħ f’xogħol deċenti u fl-iżvilupp tal-bniedem kif ukoll il-promozzjoni ta’ stil ibbażat fuq id-drittijiet permezz ta’ djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv.