Kunflitti u fastidju fuq il-post tax-xogħol: lejn taħriġ obbligatorju għall-MPE
Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali approva bidliet fir-regoli interni biex jiġu indirizzati l-kunflitti fuq il-post tax-xogħol u tiġi promossa t-tmexxija tajba tal-uffiċċju tal-Ewroparlamentari.
Ir-rapport għandu l-għan li jsaħħaħ ir-regoli tal-Parlament dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol u l-promozzjoni tat-tmexxija tajba tal-uffiċċju billi jintroduċi taħriġ speċjalizzat obbligatorju għall-MPE. Parlamentari li ma jagħmlux dan it-taħriġ fl-ewwel sitt xhur tal-mandat tagħhom (ħlief f’każijiet eċċezzjonali jew sakemm ma jkunux għamlu dan qabel) jiffaċċjaw penali u ma jkunux jistgħu jiġu eletti bħala detenturi ta’ karigi parlamentari (eż. Bureau tal-PE jew bħala president tal-kumitat), bħala rapporteur, jew ikunu parti f’delegazzjoni uffiċjali jew f’negozjati inter-istituzzjonali.
Il-Konferenza tal-Presidenti (jiġifieri l-President u l-mexxejja tal-gruppi politiċi) tista’, b’maġġoranza ta’ tlieta minn ħamsa li tinkludi mill-inqas tliet gruppi, tressaq proposta fil-plenarja biex tneħħi kwalunkwe detentur ta’ kariga elett (eż. membru tal-Bureau tal-PE jew president ta’ kumitat) jekk ma jagħmlux it-taħriġ. F’vot bħal dan ikun japplika limitu ta’ maġġoranza doppja: żewġ terzi tal-voti mitfugħa u maġġoranza tal-MPE kollha. L-istess proċedura tkun applikabbli wkoll għar-rapporteurs, bid-deċiżjoni finali f’dan il-każ tittieħed mill-kumitat rilevanti.
Ir-rapport mistenni jiġi sottomess għas-sessjoni plenarja tal-10-11 ta’ April fi Brussell.
It-taħriġ dwar “Kif toħloq tim tajjeb u li jiffunzjona tajjeb” se jikkonsisti f’ħames taqsimiet differenti li jkopru r-reklutaġġ ta’ assistenti, ġestjoni ta’ tim b’suċċess, inkluż il-prevenzjoni tal-kunflitti u r-riżoluzzjoni bikrija tal-kunflitti, aspetti amministrattivi u finanzjarji tal-assistenza parlamentari, kif ukoll prevenzjoni tal-fastidju.