Il-Parlament Ewropew qed jipproponi serje ta’ miżuri maħsuba biex jagħtu lill-konsumaturi “dritt għal tiswija” billi l-għażla tkun iktar affordabbli.
L-inizjattiva biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur u tissaħħaħ is-sikurezza u s-sostenibbiltà tal-prodott ittieħdet mill-Kumitat tas-Suq Intern.
F’riżoluzzjoni dwar suq uniku sostenibbli approvata minn 20 (tnejn ivvutaw kontra, 23 astjenew), il-MPE talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti din l-opportunità lill-konsumaturi.
Il-Kummissjoni qed tintalab ukoll biex tikkunsidra l-ittikkettar ta’ prodotti u servizzi skont id-durabilità tagħhom (informazzjoni ċara dwar kemm għandu jservi l-prodott). B’dan il-mod ikun inkoraġġit suq ta’ oġġetti użati u promossi prattiċi ta’ produzzjoni aktar sostenibbli.
Il-MPE qed jerġgħu jinsistu fuq sistema ta charger komuni għat-telefowns ċellulari bl-iskop li jitnaqqas l-iskart elettroniku.
Il-proposti jiffokaw ukoll fuq l-hekk imsejħa planned obsolence – meta prodott ikun manifatturat b’tali mod li wara ċertu żmien ma jibqax jaħdem bl-iskop li l-konsumatur ikollu jixtri ieħor bilfors. Hawnhekk għandhom jiġu kkunsidrati prattiċi li jillimitaw li intenzjonalment iqassru l-ħajja ta’ prodott. Skond il-MPE l-updates ta’ apparat diġitali għandhom ikomplu tul il-ħajja tal-prodott u mhux ikunu mezz kif titnaqqas il-prestazzjoni tagħhom.
Minn stħarriġ tal-Eurobarometer jirriżulta li 77% taċ-ċittadini tal-UE jippreferu jsewwu t-tagħmir tagħhom milli jibdluhom u 79% jaħsbu li l-manifatturi għandhom ikunu meħtieġa jagħmluha eħfef biex isewwu apparat diġitali jew jissostitwixxu l-partijiet individwali tagħhom.
 
Ħtieġa ta’ aġġustamenti mir-reklamar għall-immaniġġjar tal-iskart
Il-MPE qed jinsistu wkoll biex entitajiet pubbliċi jużaw prattiċi aktar sostenibbli fix-xiri tal-prodotti, kif ukoll għal kummerċjalizzazzjoni u reklamar responsabbli li jinkoraġġixxu negozju sostenibbli u għażliet tal-konsumatur. Dan għandu jinkludi linji gwida ċari għal prodotti li jiddikjaraw li huma favur l-ambjent, megħjuna minn aktar ċertifikazzjoni tal-ekotikketta.
Barra minn hekk, ir-rapport jipproponi regoli ġodda għall-immaniġġjar tal-iskart, inkluż it-tneħħija tal-ostakli legali li jxekklu t-tiswija, il-bejgħ mill-ġdid u l-użu mill-ġdid. Dan se jħalli impatt pożittiv ukoll fuq is-swieq tal-materja prima sekondarja.
Ġlieda kontra prodotti mhux siguri mibjugħa fuq l-internet
F’riżoluzzjoni oħra dwar is-sikurezza tal-prodott fis-suq uniku, approvata b’45 vot (l-ebda astensjoni u voti kontra), il-MPE indirizzaw il-kwistjoni ta’ prodotti mhux siguri – partikularment dawk mibjugħa fuq l-internet. Dan jinkludi prodotti li fihom kimiċi perikolużi, għandhom software mhux sikur, jew joħolqu perikli oħra għas-sigurtà.
Il-MPE jridu li l-pjattaformi u s-swieq fuq l-internet jieħdu miżuri biex jindirizzaw prattiki qarrieqa u jitolbu li r-regoli tal-UE dwar is-sikurezza tal-prodotti jiġu infurzati b’mod robust. Huma jenfasizzaw li l-konformità mar-regoli tas-sikurezza tal-prodott għandha tkun żgurata, għal prodotti li jiċċirkolaw fl-UE u manifatturati jew fl-UE jew barra minnha, li jippermettu kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji u jiżguraw informazzjoni affidabbli tal-prodott għall-konsumaturi.
Il-vot plenarju għaż-żewġ rapporti huwa mistenni li jsir f’Novembru.