Fit-2 ta’ Diċembru, l-istituzzjonijiet tal-UE u aktar minn 500 ċittadin evalwaw il-proposti tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Fid-diskors tal-ftuħ, il-President tal-Parlament Roberta Metsola qalet: “Il-Parlament Ewropew huwa lest li jagħmel il-parti tiegħu fit-twettiq tal-proposti tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fl-interess tal-450 miljun Ewropew li jirrappreżenta. Viżjoni għandha bżonn il-kuraġġ. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-proposti taċ-ċittadini, l-ebda suġġeriment għal bidla m’għandu jitqies barra mil-limiti. Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u l-proposti ppreżentati mhumiex it-tmiem. M’hemm l-ebda data finali għall-futur. M’hemmx lista ta’ kisbiet li għandna bżonn tiġi mmarkata. Il-Futur huwa hidma bla tmiem. Hekk ukoll l-Unjoni tagħna.”


Dibattitu maċ-ċittadini

Id-dibattitu li rriżulta kien ibbażat fuq l-isfidi ewlenin li l-Unjoni qed tiffaċċja llum, inkluż l-attakk tar-Russja fuq l-Ukrajna u l-konsegwenzi tiegħu fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-Ewropej, kif ukoll il-ħtieġa li jitħaffef il-proċess biex tinkiseb l-indipendenza enerġetika fl-UE. Ħafna kelliema ffukaw fuq ir-riformi istituzzjonali li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni kompleta tal-proposti tal-Konferenza, inklużi dawk dwar it-tassazzjoni tal-multinazzjonali u l-kooperazzjoni fid-dimensjoni esterna tal-affarijiet tal-UE. Matul il-ġurnata, iċ-ċittadini ressqu mistoqsijiet dwar il-firxa sħiħa ta’ suġġetti li jkopru l-proposti tal-Konferenza, inklużi: it-tibdil fil-klima u l-ambjent; is-saħħa fiżika u mentali; l-edukazzjoni u l-kultura; it-tranżizzjoni diġitali; sfidi relatati mal-migrazzjoni; it-theddid għall-valuri Ewropej u l-baġit tal-UE; l-istat tal-ekonomija Ewropea; u r-rwol taż-żgħażagħ f’dawn l-oqsma kollha.

Il-prospett tat-tnedija ta’ Konvenzjoni biex jiġu riveduti t-Trattati tal-UE ssemma ripetutament, kif ukoll l-attivazzjoni potenzjali ta’ klawżoli “passerelle” fil-qafas eżistenti, u l-ħtieġa li tittejjeb aktar il-komunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE. Il-lezzjonijiet fid-demokrazija parteċipattiva li ħarġu minn eżerċizzju ta’ din is-sena u mingħajr preċedent dehru wkoll b’mod prominenti fl-iskambju, inkluża l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi konsultazzjonijiet maċ-ċittadini qabel proposti leġiżlattivi importanti. Iċ-ċittadini ressqu suġġerimenti dwar kif jista’ jiġi żgurat li l-vuċijiet tal-parteċipanti kollha jinstemgħu b’mod ugwali, minkejja ostakli lingwistiċi u strutturali.

Il-MPE enfasizzaw li l-Parlament se jkompli jagħmel dak kollu li jeħtieġ biex jiżgura li jissodisfa l-missjoni ewlenija tiegħu li jżomm lill-UE responsabbli lejn l-Ewropej kollha, filwaqt li jippreżenta eżempji konkreti dwar kif il-proposti tal-Konferenza saru muturi ewlenin fil-ħidma tal-PE, kull wieħed f’konformità mal-prijoritajiet tagħhom u tal-gruppi politiċi tagħhom. Il-biċċa l-kbira tagħhom tennew ukoll it-talba tal-Parlament biex tiġi stabbilita Konvenzjoni biex jiġu riveduti t-Trattati tal-UE, u xi wħud innotaw li għaddejja ħidma fil-kumitati kollha tal-Parlament biex jiġi ffinalizzat rapport komprensiv ta’ inizjattiva leġiżlattiva dwar il-proposti.

Xi kelliema esprimew fehmiet kuntrarji li bihom iddubitaw l-utilità tal-Konferenza, iddenunzjaw l-użu tal-flus tal-kontribwenti, u tkellmu kontra d-direzzjoni tal-UE kollha kemm hi.


Tagħrif ta’ sfond

Id-49 proposta tal-Konferenza jinkludu aktar minn 300 miżura dwar kif dawn jistgħu jintlaħqu, maqsuma f’disa’ temi, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mill-Panels taċ-Ċittadini Ewropej u Nazzjonali, kif ukoll kontribut minn avvenimenti nazzjonali, il-pjattaforma diġitali u diskussjonijiet fi ħdan disa’ gruppi ta’ ħidma tematiċi u l-Plenarja. It-tliet istituzzjonijiet bdew il-proċess ta’ implimentazzjoni għall-proposti tal-Konferenza skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.