Fl-annali tal-istorja tal-avjazzjoni, il-ġrajja tal-Air Malta għandha sservi bħala eżempju tal-konsegwenzi tal-indħil politiku, il-klijenteliżmu, u tmexxija. Wara l-falliment tal-Air Malta, huwa kruċjali li jiġu jkunu analizzati r-raġunijiet ta’ dan kollu biex jittieħdu dawk il-passi neċessarji ħalli jkun żgurat is-suċċess tal-linja nazzjonali l-ġdida li se tkun magħrufa bħala KM Malta Airline.

L-Air Malta, li  għal ħafna snin konna kburin biha bħala linja nazzjonali hi essenzjali għall-konnettività ta’ pajjiżna. Il-falliment tagħha jista’ jiġi attribwit għal tliet fatturi ewlenin: indħil politiku, klijenteliżmu, u tmexxija ħażina.

L-ewwelnett, l-indħil politiku kellu rwol sinifikanti għat-tmiem tal-Air Malta. Il-politiċi, li ħafna drabi jaraw biss sal-ponta ta’ mneħirhom u ma jħarsux lejn il-konsegwenzi fit-tul, indaħlu mhux ftit fuq l-operat tal-linja tal-ajru. Din wassal għal deċiżjonijiet partiġjani, fosthom ħatriet fuq il-bażi ta’ lealtà politika aktar milli mertu. Tali prattiki dgħajfu serjament il-kompetittività u l-istabbiltà finanzjarja tal-linja tal-ajru.

It-tieni nett, il-klijenteliżmu, jew il-pjaċiri politiċi biex jinqdew ċertu nies ukoll kienu fattur deċisiv. Din il-kultura ħażina trawwem mentalità ta’ lil min taf u mhux kemm taf, tant li l-lealtà lejn ċerti gruppi tieħu prijorità fuq l-aħjar interessi tal-linja tal-ajru. Dan irriżulta f’nuqqas ta’ responsabbiltà u trasparenza fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li fl-aħħar mill-aħħar għamel ħsara lis-saħħa finanzjarja tal-kumpanija.

Hekk kif inħarsu lejn il-futur bl-introduzzjoni ta’ KM Malta Airline, huwa importanti li l-iżbalji tal-passat ma jiġux ripetuti. L-ewwel u qabel kollox, KM Malta Airline trid tkun iżolata minn indħil politiku. Jekk, dan hux possibbli hu dibattibbli ħafna, imma jekk ma ħadniex il-lezzjoni allura qed nidħku bina nfusna. Struttura ta’ governanza ċara u trasparenti, b’ħatriet ibbażati fuq kwalifiki u esperjenza aktar milli konnessjonijiet politiċi, hija essenzjali. Il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandhom ikunu mmexxija mir-realtajiet tas-suq u s-sostenibbiltà fit-tul tal-linja tal-ajru, aktar milli gwadann politiku għal żmien qasir.

It-tieni nett, il-kultura tal-klijenteliżmu trid tiġi eradikata. Il-linja tal-ajru għandha titmexxa bħala negozju, mhux bħala mezz biex jintrebħu l-voti. Kuntratti, akkwisti, u prattiki ta’ kiri għandhom jitwettqu permezz ta’ proċessi ġusti u kompetittivi, li jiżguraw li l-aħjar interessi tal-linja tal-ajru u l-klijenti tagħha jkunu dejjem prijoritizzati.

Fl-aħħar nett, tmexxija bilgħaqal u l-prudenza finanzjarja hija importanti ħafna. KM Malta Airline trid tkun immexxija minn individwi li għandhom reputazzjoni tajba fl-industrija tal-avjazzjoni, u għandhom ikollhom l-awtonomija biex jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq l-aħjar interessi tal-linja tal-ajru.

Il-falliment tal-Air Malta għandu jservi ta’ lezzjoni dwar il-perikli tal-indħil politiku, l-klijenteliżmu, u t-tmexxija ħażina fl-industrija tal-avjazzjoni.

Is-suċċess tal-linja tal-ajru l-ġdida għandu jinbena fuq bażi soda ta’ prattiki kummerċjali tajbin u ħielsa mid-dell tal-influwenza politika. B’hekk biss il-KM Malta Airline jista’ jkollha futur sabiħ. Jekk se naqbdu l-mudell tal-Air Malta u nħaddmuh fil-linja tal-ajru l-ġdid se nkunu fallejna qabel bdejna.