Filwaqt li ħafna jqisu li l-pandemija tal-Covid-19 ġiet ikkonsenjata għall-kotba tal-istorja, jirriżulta li għad hemm mijiet ta’ każi fil-komunità għalkemm mhux fatali bħal qabel.

Statistika li tpoġġiet riċentament fil-Parlament mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne turi li  fl-2023, in-numru ta’ każi rrappurtati qabeż l-4,000. L-ogħla numru ta’ każi kienu f’Jannar b’705 u f’Awwissu b’696 każ. Madankollu, in-numri kkwotati f’din l-istatistika x’aktarx li jkunu pjuttost baxxi peress li mhux il-każijiet kollha qed jiġu rappurtati lill-awtoritajiet tas-saħħa. L-istatistika li tressqet bi tweġiba għal mistoqsija parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said turi li mill-bidu tas-sena sad-19 ta’ Settembru, kien hemm 4,057 każ irrappurtat bl-inqas numri jkunu rreġistrati f’Mejju u Ġunju meta t-total ta’ każijiet fix-xahar kien ta’ madwar 250. Fit-tweġiba tiegħu, id-Deputat Prim Ministru nnota li fil-jiem li għaddew beda jingħata l-booster Covid-19.

XaharNumru ta’ każijiet irrappurtati ta’ COVID-19
Jannar705
Frar421
Marzu577
April504
Mejju262
Ġunju251
Lulju411
Awissu696
Settembru (sa d-19 ta’ Settembru)230

L-informazzjoni dwar in-numru ta’ każijiet ta’ Covid-19 kienet tiġi ppubblikata kuljum mill-ministeru tas-saħħa fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook iżda din il-prassi twaqqfet jiem wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2022. Id-deċiżjoni ittieħdet hekk kif bdew jitnaqqsu ċerti restrizzjonijiet għalkemm f’postijiet sensittivi bħall-isptarijiet dawn inżammu fis-seħħ għal ħafna iktar żmien. Madankollu, l-awtoritajiet kienu għalqu għajnejhom għall-avvenimenti politiċi tal-massa li kienu ġew organizzati fi żmien l-elezzjoni ġenerali meta kien sar ksur sfaċċat tar-restrizzjonijiet li kienu għadhom fis-seħħ.

Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li għadha qed tippubblika l-istatistika ta’ kuljum, mill-bidu tal-pandemija f’Marzu 2020 sal-4 ta’ Ottubru 2023, kien hemm 120,422 każ li rriżultaw fi 882 mewt. Madankollu, l-imwiet ilhom jonqsu b’mod kostanti minn Lulju 2022.

Skont il-WHO l-aħħar fatalità ġiet irreġistrata fit-18 ta’ Settembru. B’kollox, kien hemm 44 mewt minħabba Covid-19 fl-2023, li huwa bejn wieħed u ieħor l-istess ammont lii kien rreġistrat f’Lulju tal-2022.